Ir-racket tal-waterproofing

    Dan l-aħħar, f’gazzetta lokali laqtitni biċċa kitba fejn tgħid li bħalissa reġgħu dehru fis-suq tnejn, missier u iben, li kienu jqarrqu bil-konsumaturi fuq waterproofing u li l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumaturi (MCCAA), ser tara kif tagħmel biex twaqqaf ir-reklamar ta’ dawn.

    Din il-biċċa kitba laqtitni għal numru ta’ affarijiet fosthom ineżattezza. Nibda mill-ineżattezza. Dawn it-tnejn qatt ma telqu mis-suq li kienu joperaw fih għal snin sħaħ. L-istess l-ilmenti li kienu deħlin dwarhom. Hemm kienu u hemm baqgħu! Baqgħu jaħdmu qiesu ma ġara xejn u baqgħu jqarrqu bil-konsumaturi mingħajr ħadd ma waqqafhom. Safejn naf jien, il-pulizija kienu wkoll infurmati, iżda taħt skuża jew oħra dejjem ħarbu milli jieħdu passi kontra dawn il-persuni biex dawn iwaqqfu r-racket tagħhom li ilha għaddejja snin u laqtet kull parti ta’ Malta. Il-konsumaturi li ntlaqtu ġejjin minn kull klassi fosthom nies professjonisti.

    Bħalma għidt l-ilmenti ilhom deħlin, biss ftit li xejn sar. Kien hemm min tella’ lil dawn it-tnejn it-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumaturi u minkejja li rebħu l-każ baqgħu b’xiber imnieħer għax ma ħadu xejn. L-ilmenti kienu dwar li dawn it-tnejn kienu jagħmlu xogħol ħażin ta’ waterproofing u minkejja l-garanzija ta’ numru twil ta’ snin li jagħtu, ma jirranġawx l-affarijiet meta sar xogħol ħażin. Bħalma ktibt, minkejja li t-Tribunal ta' raġun lill-konsumaturi, id-deċiżjoni qatt ma ġiet onorata u l-konsumaturi baqgħu b’xiber imnieħer. Hemm min forsi jgħid li setgħu jużaw aktar proċeduri legali, iżda din hi storja oħra ta’ difetti li jgħinu biex dis-sistema għall-protezzjonijiet tal-konsumaturi mhix effettiva.

    Niġu issa għall-awtoritajiet li nħoss li kellhom id-dmir li ma jħallux din is-sitwazzjoni tkompli għaddejja għal snin sħaħ. Hemm min forsi jgħid li meta jkun hemm racket, ġeneralment, ikun diffiċli li jittieħdu passi għaliex in-nies li jkunu qed imexxu din ir-racket jieħdu passi biex jekk jista’ jkun ma jkunux magħrufa. Iżda dan il-każ mhux hekk, għax il-persuni involuti kienu magħrufa mill-bidu. L-awtoritajiet ikkonċernati kienu jafu mill-bidu x’kien qed isir u min kien involut.

    Awtorità li nħoss li kellha tidħol fiha nħoss li huma l-pulizija. Il-pulizija jafu x’kien qed isir għaliex numru ta’ konsumaturi kienu għamlu rapporti u safejn naf jien anki l-MCCAA kellha xi kuntatti mal-pulizija biex jaraw kif ser jimxu. Niftakar li meta kelli r-responsabbiltà tal-Għaqda tal-Konsumaturi kont ktibt lill-pulizija u dawn infurmawni li ma setgħu jagħmlu xejn għaliex din kienet kwistjoni ċivili bejn il-konsumaturi u dawn in-negozjanti. Jien qatt ma qbilt ma’ din il-verżjoni għaliex kieku kienet kwistjoni bejn numru żgħir ta’ konsumaturi u dawn in-negozjanti, kont nifhimha, iżda meta għandek numru mhux ħażin ta’ nies li ngidmu, il-kwistjoni saret kriminali u għalhekk il-pulizija kellha tidħol.

    Għal xi żmien l-affarijiet ħsibt li ser jitranġaw għaliex wara li l-pulizija kienu tellgħu li xi ħadd fuq frodi talli kien jikri villa u ma jżommx mal-ftehim, kien hemm xi ċaqliq. Biss wara ftit ta’ żmien, bħas-soltu f’Malta, kollox jintesa u reġa’ ma sar xejn.

    Awtorità oħra li nemmen li kellha tieħu l-inizjattiva biex din il-problema tissolva ruħha hi l-MCCAA. Dawn mhux biss kellhom ilmenti iżda kienu jafu li dawn lanqas biss kienu qed jonoraw id-deċiżjoni tat-Tribunal. Sentejn ilu (fl-2012), kienu ħarġu żewġ public warning statements dwar dawn it-tnejn,wieħed f’Mejju u l-ieħor f’Lulju. Biss, ma sar xejn aktar.

    Tajjeb li ngħidu li dawn iż-żewġ public warning statements jammonta għal nofs il-public warning statements li ħarġet din l-Awtorità. Dan għaliex fi tliet snin kull ma ħarġet kienu erba' statements, tlieta minnhom fl-ewwel sena!

    Jidher li din l-Awtorità tħoss li xogħolha hu biss li toħroġ public warning statement darba u daqshekk. Għaliex ma sar l-ebda follow up u jidher li riċentament qalet li kienet ser tara biex twaqqaf ir-reklami ta’ dawn it-tnejn mhux min jeddha iżda għaliex ġiet mistoqsija mill-ġurnal involut x’kien qed isir.

    Din mhux l-ewwel darba li dan ġara għaliex public warning statement ieħor kien kontra kumpanija tal-ivvjaġġar li s-sena l-oħra kienet waqfet topera bil-konsegwenzi li numru ta’ konsumaturi Maltin tilfu l-holiday tagħhom u l-flus li ħallsu, qiesu ma ġara xejn. L-ammonti ta’ flus li ntilfu f’din l-okkażjoni ma kinux ftit tal-Euros, iżda mijiet ta’ eluf.

    Dan hu każ ieħor fejn ma ġara xejn minn din l-Awtorità. F’dan il-każ, li kieku din l-Awtorità kellha ftit inizjattiva kienet tagħmel pressjoni fuq l-Awtorità tat-Turiżmu biex din iddaħħal fis-seħħ il-makkinarju li hemm fil-liġi biex jipproteġi lill-konsumaturi f’dan il-qasam. Li kieku sar hekk, dak il-mekkaniżmu li ilu li sar liġi aktar minn għaxar snin kien jidħol fis-seħħ u l-konsumaturi Maltin ma jibqgħux fil-periklu li jerġgħu jgħaddu mill-istess esperjenza tas-sena l-oħra – jitilfu l-holiday u flushom.

    X’tista’ tagħmel l-Awtorità f’dan il-każ tal-waterproofing? Waħda mill-affarijiet li żgur tista’ tagħmel hi li tagħmel kampanja ta’ reklami fejn mhux biss issemmi l-ismijiet iżda wkoll iġġib ir-ritratti ta’ dawn in-nies. Żgur ħaġa li ma tiswix flus hi li ma tkomplix taħbi l-istqarrijiet tagħha stess u tperiċċhom sew fl-ewwel paġna tal-websajt. Ħaġa oħra hi li tara fejn qed isiru dawn ir-reklami u xxandar l-isem tal-magazines li qed jgħinu biex din ir-racket tkompli għaddejja. Żgur mhux lanqas, għandha tagħmel pressjoni fuq il-pulizija biex dawn jibdew jieħdu passi kriminali.

    M’għandix dubju li minn dawn l-affarijiet kważi xejn mhu ser isir għaliex sfortunatament din l-Awtorità qatt ma kellha u lanqas għandha tmexxija li għandha viżjoni u wisq ħeġġa li tieħu l-pożizzjoni tal-konsumaturi bis-serjetà. Il-commitment li għandha din l-Awtorità hu ‘Do not rock the boat’!