Wied

    Matul il-ħafna teatrini tal-gvern iħabrek biex inaddaf il-wied ta’ bejn B’Kara u l-Imsida wara d-diżastru tal-għargħar tal-ġimgħa l-oħra, uħud ftakru kif xi erba’ snin ilu, gonzi-pn ħabbar proġett biex jilqa’ għall-ilmijiet li jinġemgħu hemm malli tilħaqna tempesta. Baqa’ ma sar xejn.

    Imma ħadd ma ftakar kif fil-bidu tas-snin disgħin il-gvern Nazzjonalista ta’ Fenech Adami kien ħabbar proġett li kellu jieħu numru ta’ snin, biex mill-bidu ta’ fejn Ħal-Balzan jingħaqad ma’ B’Kara sal-bajja tal-Imsida, jsiru xogħlijiet li jsolvu darba għal dejjem il-problema tal-għargħar li kienet diġà kbira. Il-proġett li tħabbar b’ħafna fanfarri mill-ministru tax-xogħlijiet pubbliċi ta’ dak iż-żmien kellu jsolvi l-problemi darba għal dejjem. Għaddew sena jew tnejn li matulhom saru xi xogħlijiet, imbagħad sena fejn sar ftit ċekċik, imbagħad waqaf kollox. U l-gvern daħħal sistema ta’ allarm fil-wied ta’ B’Kara li ddoqq kull meta jkunu ġejja l-ilmijiet biex il-karozzi u ċ-ċittadini jilħqu jwarrbu min-nofs.

    Aktar ma jinbidlu l-affarijiet, aktar jibqgħu l-istess.

    Biedja u sajd

    Ċertu kliem li sar fl-aħħar ġranet minn gonzi-pn dwar kemm sejra tajjeb l-ekonomija ħallieni perpless. Veru li ġejjin il-festi tal-indipendenza u l-gvern irid jiddandan b’xi ħaġa. Jaħseb li l-ekonomija toffrilu pjattaforma għall-ftaħir. Biss il-fatti jibqgħu l-fatti. Per eżempju, kellna l-ftaħir insensat bil-Prim Ministru jitbissem, dwar kemm mar ’il quddiem is-sajd fl-aħħar snin. Issa sinjal ta’ kemm imur tajjeb settur hu li jew jimpjiega aktar nies jew talanqas ma jnaqqasx fl-impjiegi.

    Matul is-sena 2007, kien hemm 511 persuna jaħdmu bħala sajjieda. Fl-2011, in-numru tagħhom niżel għal 468.

    L-istess ġara fil-biedja. Fis-sena 2007, kienu jaħdmu 2,989 f’dan il-qasam. Fl-2011, kien hemm biss 1,879.

    Dawn iċ-ċifri ma jurux li l-oqsma tal-biedja u s-sajd marru ’l quddiem fl-aħħar snin. Bil-maqlub.

    Joseph Calleja

    L-aħħar suċċessi li kiseb Joseph Calleja fil-karriera operistika tiegħu huma impressjonanti. Aktar u aktar għax jistħoqqulu kollha. Mhux biss għandu talent kbir imma baqa’ juri dedikazzjoni u professjonalità ma jaqtgħu xejn. Barra minn hekk, naħseb li qagħad attent biex ikompli jiżviluppa b’mod għaqli u konsistenti l-firxa ta’ prestazzjonijiet li jista’ jidħol għalihom. U anki f’dan qed jirnexxilu.

    Hawn min iqis li bħala poplu, m’għandniex għalfejn nifirħu bis-suċċess ta’ artist Malti aktar jew anqas milli nagħmlu b’ta ħaddieħor. Ma naqbilx. Anzi nemmen li hi ħaġa naturali u sabiħa li nħossuna kburin bħala poplu ċkejken bis-suċċessi u bit-talent ta’ Joseph Calleja u li nixtiqulu futur dejjem isbaħ.

    alfredsant.org