L-Air Malta – Enjoy your experience

    Ġeneralment nuża l-Air Malta. Nużaha għal ħafna raġunijiet. L-ewwel għaliex hi l-Linja Nazzjonali u xejn ma nħabbel rasi li nuża xi ħaġa Maltija jekk hi ta’ standard tajjeb. Hemm raġunijiet oħra. Dawn kienu ħarġu ċar f’moħħi waqt laqgħa li kelli fi Brussell xi snin ilu li kienet tittratta l-kompetizzjoni. Niftakar is-suġġett magħżul għal workshop li kont fih kien dwar il-linji tal-ajru. Kien iż-żmien meta Malta kienet qed titlob approvazzjoni mill-EU biex tagħti għajnuna finanzjarja lill-Air Malta u s-suġġett dar fuq jekk jaqbilx għall-konsumaturi li tingħata din l-għajnuna jew inkella nħallu s-suq isuq u jekk kien hemm bżonn inħallu linji tal-ajru jagħlqu.

    Ngħidha ċara, li l-kompetizzjoni għandha l-vantaġġi tagħha u nemmen li f’Malta waħda mill-problemi kbar li jħabbat wiċċu magħhom il-konsumatur hu n-nuqqas ta’ kompetizzjoni. Biss f’dan il-każ wieħed irid jiżen il-benefiċċji li jiġu mill-kompetizzjoni ma’ affarijiet oħra.

    L-aktar ħaġa li wieħed irid jiftakar hu li Malta hi gżira maqtugħa mill-kontinent u l-uniċi mezzi ta’ trasport lejn pajjiżi oħra huma l-baħar u l-ajru. Il-baħar ma tantx jogħġobni għas-safar minħabba t-tul u minħabba l-esperjenzi li kelli meta fl-antik ġieli użajtu. Żgur li l-mezzi tal-lum għal dan it-tip ta’ trasport huma ħafna aktar effiċjenti minn tal-antik biss l-esprjenza xorta hemm tibqa’ u mhux lest li nibdel vjaġġ ta’ siegħa bl-ajru ma’ ieħor ta’ ħafna aktar sigħat fuq il-baħar sakemm ma nkunx qed nagħmel dan biex nistrieħ u għalhekk nuża cruise.

    Il-każ tal-Air Malta dakinhar kien ċar għalija. Nemmen li l-Air Malta hemm bżonnha għaliex hi biss tagħti mezz sigur li jkollna ċerti linji jaħdmu dejjem minkejja l-profitabilità tagħhom u li dan minnu nnifsu jġib ċerta kompetizzjoni. Niftakar qabel l-Air Malta biex wieħed imur Ruma jew Londra dan kien jista’ jagħmlu f’ċerti ġranet tal-ġimgħa biss. Bl-Air Malta llum hemm mill-anqas vjaġġ kuljum għal dawn iż-żewġ postijiet barra postijiet oħra li tista’ tmur b’mod dirett.

    Raġuni oħra hi li s’issa waħda mill-affarijiet li napprezza hu l-piloti tajba li għandha. Dan joħroġ ċar speċjalment meta l-ajruplan jkun qed jillandja. S’issa għadu ma kellix esperjenza ħażina bl-Air Malta u xi kultant bilkemm tittendi li tkun illandjajt meta linji tal-ajru oħra l-esperjenza f’dan il-mument mhux dejjem kienet tajba.

    Għalija din is-sigurezza li għandna link ta’ kuljum ma’ mill-anqas żewġ postijiet hi importanti. Biss wieħed irid jistaqsi. Dan ifisser li niġu naqgħu u nqumu mill-konsumaturi basta din tibqa’ topera? Nieħu ezempju tal-prezzijiet.

    Waħda mill-garr li hemm hu żgur il-prezzijiet għoljin tal-Air Malta. Dan ħadd ma jista’ jiċħdu. Iżda l-agħar hu li l-prezzijiet jinbidlu l-ħin kollu. B’hekk il-konsumaturi ma jkunux jistgħu jikkalkolaw l-ispiża minn ħafna qabel. Litteralment illum tkun taf l-prezz f’nofs il-proċess tal-booking. Fil-fatt riċentament kont qed nibbukkja u l-prezz kien jindika li hu €676.08. Kif għafast il-buttuna ‘next’ biex inkompli l-booking il-prezz inbidel. Għall-ewwel ħsibt li rajt ħażin u għafast il-buttuna ‘back’ u l-prezz kien għadu kif rajtu jiġifieri ta’ €676.08. Fil-fatt ħadtlu pdf biex inkun żgur. Meta erġajt għafast il-buttuna ‘next’ erġajt sibt li l-prezz hu 746.08.70 Euro aktar minn meta bdejt il-proċess biex nibbukkja. Għalija dan mhu xejn għajr serq fil-wiċċ. Għidt hekk għaliex il-konsumaturi għandhom dritt ikunu jafu l-prezz minn qabel.

    Biss jindika wkoll li l-prezz jiċċaqlaq kemm il-darba jkun hemm searches fuq dik id-data. Illum lanqas nemmen li jkun vera meta jkun hemm miktub ‘hurry only ... seat left.’ !

    Barra minhekk illum it-ticket, tixtrih minfejn tixtrih, xorta teħel €11 ‘Administration’ Fee minkejja li anke jekk tagħmel kollox int minn fuq l-internet, dawn xorta teħilhom! Għalija aħjar kieku qalu li ser jgħollu l-prezzijiet bi ħdax il-Euro milli sejħulhom administration fee meta din mhix ġustifikata. Dan mhu xejn agħar minn attentat biex jitmejlu bil-konsumaturi. Biex imbagħad jgħaqqdu l-bubun, din iċ-charge lanqas tidher fl-e receipt li tipprintja.

    Dan mhux kollox għaliex illum biex tagħmel check-in minn fuq l-internet jerġgħu jiċċarġjawk – ħaġa oħra li ma tgħamilx sens. Tant hu hekk li linja tal-ajru oħra ‘low cost’ teħel iċ-charge jekk ma tagħmilx ‘check-in’ minfuq l-internet. Dan ifakkarni fiċ-charge li jimponu banek kbar f’Malta bħal BOV għall-internet banking. Qed tiffranka l-flus lill-bank għaliex is-servizz qed tieħdu int mingħajr l-ebda għajnuna ta’ impjegat jew fergħa u fl-istess ħin trid tħallas aktar!

    Jien nemmen li l-Air Malta għandha biex tikkompeti u biex tħajjar il-konsumaturi bis-servizz tagħha. Iżda jekk ser tibqa’ sejra hekk titlef is-support kollu – sitwazzjoni li kienet ġiet fiha t-Tarzna bil-konsegwenza li meta l-Gvern Nazzjonalista ddeċieda li jagħlaq it-Tarzna, ħadd ma semma’ leħnu biex jiddefendihom.

    Dan juri wkoll in-nuqqas ta’ protezzjoni li għandu l-konsumatur Malti. Il-konsumaturi Maltin qed iħallsu miljuni biex ikollna awtoritajiet biex jieħdu l-inizjattiva u ma jħallux il-bajtra taqa’ ġo ħalqhom. Suppost huma awtoritajiet bħall-MCCAA li għandhom jqumu u jaraw x’inhu jħabbat wiċċu magħhom il-konsumaturi.