MUDELL TA' QASMA

    Minn dak li ntqal fil-midja, il-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni jinsab maqsum bejn “tradizzjonalisti” u “modernizzaturi”. Imma din hi qasma li ssibha fi kważi l-partiti Ewropej kollha, tal-lemin u tax-xellug. Li hemm kurjuż – talanqas skont kummentaturi u editorjalisti fil-midja li s-soltu jagħtu appoġġ lil dan il-partit – hu li l-qasma qiegħda tipparalizza lill-PN billi ma tħallihx jasal għal deċiżjonijiet effettivi u li jiftiehmu.

    Il-biċċa jidher li ħarġet fiċ-ċar dwar il-kontroversja fuq l-adozzjonijiet fi ħdan unjoni ċivili imma nies li jappoġġjaw lill-PN qed ibassru li tista’ tinqala’ fuq kwistjonijiet pendenti.

    Partiti oħra ġeneralment isolvu kwistjonijiet li jinqalgħu b’dal-mod billi japplikaw ir-regoli tad-demokrazija interna u tgħaddi tal-maġġoranza. Meta dan ma jkunx possibbli, il-partit innifsu jinqasam.

    Fl-istorja politika moderna ta’ Malta kemm il-PL u kemm il-PN, fi żmien jew ieħor, għaddew minn dawn il-proċessi. Imma sa issa donnu li l-konklużjoni qed tkun li l-PN illum ma jistax jitlaq għal waħda jew l-oħra minn dawn iż-żewġ alternattivi. Minn hawn li jinsilet il-paraliżi.

    Tqum il-mistoqsija: x’jaħti għal dan is-sadd?

    ***

    Librerija

    Waqt żjara lil-librerija tal-Università, sirt naf dwar żviluppi li għaddiet minnhom dan l-aħħar u li kienu qabżuli. Seħħ investiment u tkabbir qawwi fil-faċilitajiet elettroniċi tagħha hekk li l-użu minn studenti u oħrajn ta’ materjal u kotba stampati naqas sew, u żdied bil-kbir l-użu ta’ riżorsi diġitali. In-nefqa wkoll: fuq tal-aħħar jintefqu ammonti mal-ħames għal sitt darbiet aqwa min-nefqa fuq kotba.

    Il-librara jqisu – u naħseb li għandhom raġun – li ftit seta’ kien hemm soluzzjoni oħra biex ilaħħqu b’mod ekonomiku u effettiv maż-żieda fit-talba għal riżorsi tal-librerija. Il-mezzi elettroniċi jippermettu użu aktar mifrux u aktar frekwenti tal-materjali fiha. Ikabbru l-faċilità li biha wieħed jista’ jikkonsulta dokumenti u pubblikazzjonijiet mid-dar stess.

    Il-paraguni huma dejjem odjużi. Biss naħseb li ħadd ma jieħu għalih jekk ngħid li ħriġt mil-laqgħa fil-libererija tal-Università persważ li din baqgħet librerija ewlenija tal-pajjiż.

    ***

    Irxoxt

    Kien ili ma nattendi għall-festivitajiet tal-Għid. U ddispjaċieni li ħallejt daqshekk żmien jgħaddi bla ma żorthom meta l-Ħadd li għadda mort Ħal Qormi u Bormla biex nara l-purċissjonijiet tal-Irxoxt. Kien fihom gost... għall-familja kollha, imma mhux biss.

    Forsi l-aktar ħaġa li laqtitni kienet li talanqas sakemm domt hemm jien, l-eċċessi fl-imġiba li ġieli jħassru ċerti festi tradizzjonali kienu nieqsa għalkollox. Xorta kien hemm briju. L-aspett reliġjuż ma naqasx, imma ma kienx dominanti kif naturalment jiġri fil-purċissjonijiet l-oħra tal-Ġimgħa Mqaddsa. Nissuspetta li Jum l-Irxoxt se jibqa’ jżid fil-popolarità tiegħu fis-snin li jmiss.

    (alfredsant.org),