UNJONI ĊIVILI

    Il-vot tal-Parlament Malti favur liġi li biha fostna daħlet l-istituzzjoni tal-unjoni ċivili, jew żwieġ bejn persuni tal-istess sess, kien żvilupp meħtieġ. Jien dejjem qiest dan bħala pass ’il quddiem. Segwejt kif id-drittijiet tat-tfal kienu se jiġu salvagwardjati meta qamet il-kwistjoni tal-adozzjonijiet fi ħdan unjoni ċivili. Is-salvagwardji ngħataw b’mod li hu aktar minn sodisfaċenti.

    Nifhem il-ferħ ta’ dawk li b’ħerqa kienu qed jistennew dan l-iżvilupp. Nifhem ukoll ir-riżervi ta’ dawk li qed iħossuhom konfużi xi ftit quddiem din ir-riforma (iltqajt ma’ uħud minnhom),. Nemmen li maż-żmien, tal-aħħar se jifhmu kif ir-riforma kienet meħtieġa u tagħmel sens.

    Xejn ma naqbel ma’ min irid jaqleb lura dak li sar b’xi referendum. Mossa bħal din inqisha bħala anti-demokratika fi ħdan demokrazija rappreżentattiva u parlamentari, li skont valuri “Ewropej” għandha tirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet tal-minoranzi.

    U lanqas naqbel ma’ min jaħseb li d-dħul tad-divorzju u tal-unjoni ċivili jintrabtu direttament mas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Hu evidenti li kienu jiġru xorta waħda kieku Malta ma kinitx membru tal-Unjoni. Il-modernizzar tal-pajjiz li rranka fl-aħħar snin, ġej minn ċaqliqiet ħafna aktar profondi fis-soċjetà tagħna.

    BIŻA’

    Iltqajt dan l-aħħar ma’ aktar minn imprenditur żgħir wieħed li qajmu problema li ma kontx ħsibt fiha qabel. Tajjeb jekk tingħata ftit attenzjoni. Se npoġġiha fi kliemhom, jew kważi:

    Imprenditur żgħir jiġi quddiem il-ħtieġa li jwaqqa’ l-bini minn fejn jaħdem biex jerġa’ jibnieh aħjar. Dan jinvolvi investiment mhux ċkejken.

    L-imprenditur ikun lest li jidħol għal din l-isfida sakemm jirrealizza li jekk allaħares qatt jinqala’ xi inċident serju fuq il-post tax-xogħol waqt il-bini, hu jiġi responsabbli kriminalment għalih, mhux il-kuntrattur li jkun qabbad.

    Ħaġa bħal din qed tbeżża’ lil uħud milli jidħlu għal impenji ġodda fin-negozju tagħhom.

    SONATA

    Dejjem se ssib xi firxa mix-xogħlijiet ta’ Beethoven li ma tkunx taf. Din id-darba fettilli nisma’ u nerġa’ nisma’ l-ħames sonati għall-vjolinċell u l-pjano. Kollha fil-verzjoni ta’ Mstislav Rostropoviċ u Sviatoslav Richter. M’hemmx għalfejn ngħid, jagħtu interpretazzjoni impekkabbli.

    Issib fis-sonati temi u tensjonijiet li huma tipikament ta’ Beethoven għalkemm jibqgħu ġodda u friski, talanqas għalija li kont qed nismagħhom “mill-art”. U għax tidħol għalihom il-ħamsa f’salt, aktar jidhrulek qawwija. Dnub li ta’ spiss wisq, lil Beethoven inħalluh f’kexxun fejn inpoġġu biss is-simfoniji, kunċerti, l-opra li kiteb u xi sonata għall-pjano. Joffri ħafna aktar minn hekk.

    Grazzi għal darb’oħra lill-you tube li jiftaħ tieqa anki fuq dan il-pajżaġġ ta’ sonati li jixraqlu jkun aktar familjari.

    alfredsant.org