GENDUS

    Triq il-Gendus, Bormla: waħda mill-isbaħ toroq ta’ Malta. Inżiltha u tlajtha ftit tal-jiem ilu, jien u nħabbat il-bibien.

    Hawn min jipprova jmaqdar id-dehra ta’ Bull Street fil-mod kif tinfirex ’l isfel. Anki għax donnha tibdel il-wisa’ tagħha ma kull ħames passi li tieħu fiha. Ma naqbilx.

    Li jagħmel lil Bull Street speċjali hu l-karattru stess tagħha, bl-ispazji rregolari li tgerbeb quddiemek mat-tul tagħha, kif ukoll il-mod ġentili li bih tagħmel hekk. Niskanta li t-triq għadha ma sabitx żviluppaturi ta’ ħila lesti li jġeddu fiha kemm il-ħajja residenzjali u kemm ħajja kummerċjali.

    Forsi għadni qed ngħaġġel wisq. Il-Kottonera għandha kumpless ta’ binjiet, fortifikazzjonijiet, baħar u niċeċ residenzjali qodma li għadhom jistennew lil min bi pjan strateġiku jagħtihom ħajja ġdida, fl-interess tar-residenti u tal-qawmien ekonomiku u soċjali taż-żona kollha.

    FATTI

    Bgħatt din l-ittra li tiftiehem waħidha lil ċertu editur:

    Meta l-editorjal tas-“Sunday Times” tad-9 ta’ Marzu 2014, “Labour: Sena wara” jirreferi għal kif fl-imgħoddi kienu jsiru l-ħatriet presidenzjali, jistqarr li: ‘Bl-eċċezzjoni tal-2009 ... ħatriet għal Kap tal-Istat dejjem saru skont linji partitarji u l-bniedem magħzul qatt ma kellu l-approvazzjoni tal-Oppozizzjoni. Madankollu, l-Oppozizzjoni dejjem ġiet konsultata.’

    L-aħħar stqarrija f’din is-silta hi manifestament falza. Meta Dr Ugo Mifsud Bonnici, Dr Guido Demarco u Dr Fenech Adami nħatru għall-Presidenza, il-Kap tal-Oppozizzjoni qatt ma kien konsultat, imma biss informat tard dwar id-deċizjoni li kienet ittieħdet. Jien naf għax kont preżenti.’

    L-editur ippubblika l-ittra fil-ħarġa tas-16 ta’ Jannar, bin-nota:

    Eddie Fenech Adami għandu opinjoni differenti. Kien hemm ukoll.

    In-nota hi manifestament falza. Dottor Fenech Adami ma kienx preżenti meta bħala Kap tal-Oppożizzjoni, jiena ġejt informat bil-ħatra tiegħu.

    Aktar minn hekk: hi ħaġa stramba – hux tassew? – li fuq kwistjoni ta’ verità tal-fatti li dwarhom ikun għamel stqarrija editorjali, l-editur ta’ gazzetta “serja” u indipendenti jorbot mal-“opinjoni” ta’ persuna, tkun min tkun, u mhux mal-fatti.

    TONY BENN

    Tony Benn kien bniedem li tammira, anki jekk mhux dejjem taqbel miegħu. Iddefenda l-aqwa ideali tas-soċjaliżmu u tad-demokrazija, anki jekk kien nisel il-privileġġ fis-soċjetà tiegħu. Suppost kellu jkun membru tal-House of Lords bħala bin artistokratiku. Imma ċaħad it-titolu u ħareġ għall-elezzjoni f’isem il-Partit Laburista.

    Għamel karriera jiddefendi teżijiet soċjalisti llum mitqiesa “antikwati” – bħar-rwol tal-istat fit-tmexxija ekonomika u l-ħarsien tal-“welfare state”.

    Irreżista ċ-ċaqliqa tal-Laburisti Ingliżi lejn politika ċentrista maħsuba biex tkun kollox għal kulħadd. Baqa’ mill-bidu sal-aħħar, difensur qawwi tad-demokrazija parlamentari.

    Mewtu qanqlet niket għal aktar minn raġuni waħda.

    alfredsant.org