KONDIZZJONIJIET SOĊJALI

    F’laqgħa organizzata bejn l-għaqdiet membri tal-Kumitat għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali u kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ġew diskussi l-kondizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll il-qagħda soċjali fl-Ewropa u f’Malta. Jidhirli li dwar dawn is-suġġetti għadna lura milli nifhmu kif ninsabu fi proċess li qed iseħħ fuq skala Ewropea.

    Il-globalizzazzjoni, il-mod kif dan l-aħħar żviluppat l-Ewropa speċjalment fiż-żona ewro u n-nuqqas ta’ dinamiżmu fl-ekonomiji Ewropej tul l-aħħar ħmistax-il sena qed ifissru li l-flessibiltà fl-ekonomiji Ewropej qed tiġi mfittxija l-aktar permezz ta’ dak li jissejjaħ l-iżvalutar intern. Hu terminu li qed jintuża dejjem aktar (wara li għall-bidu l-istituzzjonijiet Ewropej kienu qisuh bħala “negattiv” wisq), biex ifisser kif kompetittività akbar fuq is-swieq internazzjonali tista’ tinkiseb biss billi jitnaqqru l-kondizzjonijiet soċjali taċ-ċittadini u tal-familji tagħhom.

    M’hemmx għalfejn iddum tifli l-istatistika ekonomika tal-pajjiż biex tinduna li l-istess ħaġa ġrat u qed tiġri f’Malta.

    Il-mudell soċjali Ewropew m’għadux dak li kien.

    GĦAWDEX REĠJUN

    Kellna laqgħa oħra ta’ kandidati għall-elezzjoni Ewropea, din id-darba biex nitkellmu dwar Għawdex. L-attendenza kienet pjuttost fqira.

    Għalija l-kwistjoni hi ċara: sakemm Għawdex ma jiġix mitqies bħala reġjun, mhux se jiżviluppa skont il-potenzjal tiegħu, jinfetħu kemm jinfetħu ministeri ġo fih, jinbnew kemm jinbnew mini u pontijiet u airstrips biex “jgħaqqduh” mal-bqija tad-dinja. Essenzjalment mhux dak li għandu bżonn – daqskemm miżuri fl-oqsma differenti tal-ħajja marbuta flimkien biex joħolqu klima ta’ ħidma u inizjattiva, immexxija mill-Għawdxin b’appoġġ sħiħ tal-gvern ċentrali.

    Sal-lum il-proġett ta’ Għawdex-reġjun għadu ma seħħx, la fuq il-livell Għawdxi nnifsu, la fuq dak Malti u wisq anqas fuq dak Ewropew.

    Hemm raġunijiet għaliex ġara hekk. Ma jfissirx li m’għandhomx jibqgħu jsiru sforzi ġenwini biex xi darba din il-ħolma titwettaq għall-akbar ġid ta’ Għawdex u nħid jien, anke ta’ Malta.

    GMOs

    Il-kontroversja dwar il-GMOs – l-organiżmi jew pjanti li l-ġenetika tagħhom tiġi mibdula sa miż-żerriegħa fil-laboratorju – għadha qalila fl-Ewropa. Hawn Malta bilkemm nisimgħu n-nifs tagħha.

    Min jgħid lil-GMOs se jkunu meħtieġa biex ikattru l-ħila tal-bnedmin biex jipproduċi ikel ta’ kwalità dejjem aħjar fi kwantitajiet akbar. U min jgħid li huma l-kumpaniji Amerikani kbar tal-agrokimika li qed jiddettaw l-aġenda biex ikabbru l-profitti bla ma jimportahom mid-diżastru ambjentali li l-pjanti bil-ġenetika mibdula jistgħu joħolqu.

    Faċli tgħid (kif nitħajjar ngħid jien), li l-verità bilfors tinsab f’xi nofs triq bejn dawn iż-żewġ fehmiet “estremi”. Imma jekk għandhom raġun dawk li jridu jħarsu l-ambjent akkost ta’ kollox...? Jew jekk għandhom mija fil-mija raġun dawk li jaraw il-pjanti modifikati bħala s-salvazzjoni tal-bniedem...?

    alfredsant.org