Attenti!

    Mhumiex sbieħ l-istejjer li qed joħorġu dwar tbagħbis f’kontijiet tad-dawl u l-ilma, kontejners tal-Freeport u ma nafx xiex aktar. Donnhom qed jagħtu xhieda li fl-amministrazzjoni tal-gvern nibtu matul is-snin xbieki ta’ frodi, korruzzjoni, ħala - sejħilhom li trid - u li dawn ibbenefikaw minn kompliċitajiet mifruxa.

    Inutli li l-PN jilgħabha tat-trux u l-mutu f’din il-ħaġa. M’hemmx għalfejn tgħid li dan jew dak il-ministru ta’ gonzi-pn kien hekk jew hekk. Jien lest nemmen li la hekk u lanqas hekk. Biss min-naħa l-oħra, il-frodi u t-taħwid dejjem iħallu traċċi warajhom. Anki jekk ma tkunx taf kif jew min, trid tieħu passi biex tagħlaq it-toqob. Ma jidhirx li ttieħdu dawn il-passi jew jidher li kien hemm bżonn ta’ aktar sforzi. U minn hekk li toħroġ ir-responsabbiltà politika. Żgur li hemm ħafna li l-partit fl-Oppożizzjoni llum għandu jirrispondi għalih: it-tmexxija tal-amministrazzjoni publika fiż-żmien meta kien fil-gvern baqgħet laxka għall-aħħar.

    U dan iwassal liċ-ċittadini biex lill-gvern Laburista jfakkruh kemm għandu jibqa’ attent, biex jagħlaq kull toqba li minnha jistgħu jbejtu t-tixħim u l-korruzzjoni.

    ***

    Fl-Iżvizzera

    Ir-referendum fl-Iżvizzera fejn ġie deċiż li l-barranin li jgħixu fl-Iżvizzera jridu jkunu taħt kwota ssettjata skont in-nazzjon li minnu joriġina r-resident qed toħloq saram kbir fir-relazzjonijiet bejn l-Iżvizzera u l-Unjoni Ewropea. Id-deċizjoni tar-referendum tmur kontra qbil li ż-żewġ naħat għandhom bejniethom li jippermetti liċ-ċittadini tagħhom imorru joqogħdu fejn iridu fit-territorju tat-tnejn.

    L-Iżvizzera hi fost il-pajjiżi Ewropej li proporzjonalment għandhom l-aktar barranin jgħixu f’arthom. B’maġġoranza ċkejkna l-Iżvizzeri issa qatgħuha li jridu jikkontrollaw din is-sitwazzjoni. Biss hu fatt li mingħajr il-barranin li jgħixu għandha, l-Iżvizzera togħtor ekonomikament.

    Id-deċiżjoni tal-Iżvizzeri ġiet fi żmien ħażin għall-Unjoni Ewropea. Ma tantx tista’ taċċetta din il-bidla radikali fil-mod kif inhuma organizzati r-rabtiet tagħha ma’ dan il-pajjiż li diġà fl-imgħoddi rrifjuta li jissieħeb fl-Unjoni. L-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew qed jiżviluppaw madwar kontroversji dwar l-identitajiet u l-awtonomiji nazzjonali. L-Iżvizzera qed terġa’ tqajjem mistoqsijiet diffiċli dwar it-tisħiħ permanenti tal-istrutturi Ewropej.

    ***

    Seminars

    Bħalissa għaddejja mewġa ta’ seminars u laqgħat pubbliċi dwar l-Unjoni Ewropea fejn ikunu mistennija jidhru l-kandiati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, fosthom jien. M’hemm xejn sorprendenti f’dil-biċċa. L-elezzjonijiet jinsabu magħna.

    Biss qed ninnota nuqqas ta’ interess fost il-pubbliku fil-materji li qed jitqanqlu għad-diskussjoni. Mhux qed ikun hemm daqstant ħerqa u kontroversja, mentri l-izviluppi li x’aktarx iseħħu fl-Ewropa fis-snin li ġejjin se jkunu kontroversjali u se jqajmu polemiki qawwija.

    Jekk jiġri hekk, l-istess żviluppi se jolqtuna bil-kbir. Imma anki din il-possibiltà donnha mhix tqanqal wisq nies.

    (alfredsant.org),