ANSJETÁ

    Il-kwistjoni tal-listi tal-istennija (jew “waiting lists” bil-Malti), għal kura speċjali u operazzjonijiet f’Mater Dei qed tqanqal ċerta ansjetà ġdida fost nies li jkollhom xi problema medika. Iltqajt magħha għand diversi familji li żort dan l-aħħar. Diġà l-morda jġorru l-ansjetà tal-qagħda tagħhom.

    L-ansjetà ġdida tqum minn mistoqsija dwar l-appuntament li jkunu ngħataw biex jattendu l-isptar, speċjalment meta d-data tidher imbiegħda: L-appuntament li ngħatajt jirrifletti tajjeb dak li neħtieġ jew ingħatali għax ma setgħux ilaħħquli data aktar fil-qrib?

    Ħbieb tiegħi li jaħdmu fl-isptar jassigurawni li każi ġenwini t’urġenza qatt ma jitħallew jaqgħu lura. L-istennija għall-kura tinħadem b’mod kemm jista’ jkun raġonevoli fl-aħjar interess tal-pazjenti skont il-bżonnijiet tagħhom. Ninsab konvint li hekk hu.

    Imma nifhem ukoll din l-ansjetà “ġdida”. Frankament ma nafx kif tista’ tilqa’ għaliha jew twittiha għal kollox. Is-saħħa tibqa’ fost l-oqsma l-aktar delikati tal-ħajja tal-bniedem.

    TURIŻMU

    Li t-turiżmu rpilja jew qed jirpilja hi aħbar tajba ħafna għall-ekonomija Maltija. Ir-rankatura tagħha tiddependi mill-ħtieġa li r-rota ddur bid-dawrien tal-flus fl-idejn fil-ħwienet u fost il-familji.

    It-turiżmu għadu l-aqwa mutur li jista’ jwettaq dan waqt li jġib id-dħul tiegħu minn barra l-pajjiż. Għalkemm bejniethom is-servizzi finanzjarji u s-settur tal-imħatri bl-internet x’aktarx għaddewh fl-importanza tagħhom, huma m’għandhomx l-istess impatt pożittiv bħat-turiżmu fost l-għeruq u x-xniexel tal-ekonomija.

    Ħafna mill-ażjendi tat-turiżmu tagħna għaddew minn snin ta’ nixfa finanzjarja. Uħud x’aktarx waqgħu lura fl-investimenti li jeħtiġilhom jagħmlu biex isostnu attrezzi ta’ kwalità.

    Diġà hu sinjal tajjeb li qed jitilqu proġetti għal lukandi ġodda (bħal-lukandi “boutique” fil-Belt),. Jekk niftakar tajjeb, għal lukanda fil-Mediterran, il-qies ta’ kemm għandha tibqa’ tinżamm għaddejja qabel tinbena mill-ġdid hu ta’ xi 30 sena.

    Tkun ħaġa ta’ interess li wieħed jivverifika kemm mil-lukandi “kbar” tagħna jaqgħu taħt din l-età.

    UKRAJNA

    M’inix nifhem xinhu għaddej fl-Ukrajna. L-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea qed jiftehmu bejniethom biex flimkien joffrulha pakkett ta’ għajnuna finanzjarja ta’ biljuni ta’ ewro. Ir-Russja diġà għamlet offerta kbira lill-istess pajjiż u b’hekk il-President attwali ddeċieda li ma jiffirmax ftehim ta’ assoċjazzjoni mal-UE. Skont dan il-ftehim, l-Unjoni kienet se toffri xi għajnuna finanzjarja żgħira; il-gvern tal-Ukrajna kien iddikjara li biex jindiehes mal-Unjoni, kien se jkollu jonfoq biljuni ta’ ewro.

    Sadattant baqgħu għaddejja dimostrazzjonijiet vjolenti fit-toroq ta’ Kiev, l-ewwel bi protesta għax ma ġiex iffirmat il-ftehim mal-UE, imbagħad bil-għajta li l-gvern irid jirriżenja.

    Donnu għaddej irkant stramb. Xejn ma jawgura tajjeb għall-mod kif l-ispazju politiku u ġeografiku bejn l-UE u r-Russja għandu jiżviluppa.

    alfredsant.org