“DOOR TO DOOR”

    Matul laqgħat “door to door” fil-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex, ikolli diversi opportunitajiet biex nitgħallem aktar dwar xinhu għaddej fil-ħajja tal-familji. L-aqwa jiġi mill-fatt li n-nies tfisser il-problemi u l-aspirazzjonijiet tagħha bi kliem li jiftiehem. Mhux dejjem jagħmlu hekk il-politiċi (jien inkluż),, l-ekonomisti, l-uffiċjali tal-gvern u l-professjonisti fis-servizzi soċjali u mediċi.

    Ħaġa li laqtitni fost oħrajn, kienet in-numru mhux ċkejken ta’ nies li qed ikollhom jaffaċċjaw l-ispejjeż tal-ħajja bi dħul baxx sew. Isemmulek pensjoni ta’ bejn l-erba’ mija u ħames mitt ewro fix-xahar, ġieli maqsuma bejn tnejn jekk mhux tliet persuni, li minnha jridu jħallsu dawl u ilma, ikel u affarijiet ta’ kuljum, meta wkoll ma jkunx hemm xi kera involuta. Jolqotni il-mod dinjituż kif ħafna minnhom ifissru l-esperjenzi tagħhom.

    Malli l-gvern iwettaq fi ftit xhur oħra l-wegħda li jnaqqas il-prezzijiet tad-dawl u tal-ilma, talanqas dawn in-nies se jsibu ftit tas-serħan, anki jekk numru minnhom diġà suppost li jibbenefikaw minn xi tnaqqis fit-tariffi.

    DISKORSI FIT-TUL

    Is-servizz ta’ tifkira li sar fl-Afrika ta’ Isfel f’ġieħ Madiba kien impressjonanti. Segwietu d-dinja kollha. Hekk kien jistħoqqlu Nelson Mandela.

    Is-servizz ġie kkritikat għax twal wisq, l-aktar minħabba li saru wisq diskorsi, uħud minnhom mhux daqstant tajba. Biss, tifhem li kien hemm bosta personalitajiet li ma tistax teskludihom milli formalment jagħtu l-aħħar tislima lil mexxej daqstant importanti fil-ġrajja tad-dinja.

    Ftakart f’li kiteb dwar l-omelija l-Papa Franġisku fl-eżortazzjoni li ħareġ ftit ilu. B’mod sorprendenti, waqt li jammetti li l-omelija tista’ tkun okkażjoni ta’ dwejjaq għal min jismagħha, Franġisku nsista li għandha xorta titqies bħala ċentrali f’laqgħa sagrali, anki meta min jagħmilha ma jkollux messaġġ tal-aqwa kwalità. Madankollu, jagħti “parir” biex l-omelija tinżamm fil-ħin ristrett tagħha u mhux titħalla bit-tul li tieħu, tiżbilanċja t-tifsira kollha taċ-ċerimonja.

    ĊIMITERJU U ĊIRKLU

    Ħsibt li kulħadd se jibqa’ sieket; imbagħad il-biċċa skattat fl-inews.

    Tassew tistona li ċirklu jitpoġġa biswit iċ-ċimiterju tal-Addolorata. Stagħġibt kif donnu ma tantx intwera dwejjaq dwar dan, waqt li fl-aħħar żminijiet kellna ħafna protesti kontra l-użu tal-annimali fil-ċirkli.

    Min qed iwassal lil xi ħadd għażiż li għadu kemm miet sad-difna jew min qed iżur il-qabar ta’ qrabatu, aktar u aktar jekk kienu mietu qrib id-data tal-Milied, ftit jista’ jiggosta jara li ż-żona taċ-ċimiterju nbidlet f’art għall-fieri.

    Dan mhux argument kontra ċ-ċirkli.

    Malta żgħira ħafna, veru, imma diffiċli temmen li ma jistax jinstab post aktar xieraq għal dan id-divertiment.

    alfredsant.org