VERDETT

    Hu ċar x’għandu jkun il-verdett tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-baġit tal-gvern Malti għas-sena 2014:

    “Dan hu baġit ta’ gvern ġdid, elett b’vot popolari massiċċ, li qed jistinka biex jibdel id-direzzjoni ekonomika tal-pajjiż lejn aktar attività, aktar serjetà fit-tmexxija finanzjarja. Jista’ jkollna xi dubji dwar ċifri li qed jagħti dwar kif se jasal, imma dwar fejn irid jasal, mhux biss naqblu miegħu, imma lesti nagħtuh kull inkoraġġiment. Qed isegwi l-linji ta’ gwida li dejjem sħaqna fuqhom għat-tmexxija ekonomika u finanzjarja fl-Ewropa.

    “Għamilna żmien naċċettaw pronostiċi li saru mill-gvern ta’ qabel li kienu ottimistiċi wisq, anzi fażulli. Illum il-gvern qed jaħdem fuq tbassir konservattiv dwar kif tista’ tiżviluppa l-ekonomija Maltija. Ikun xieraq li nħallu aktar żmien jgħaddi biex naraw fejn dal-gvern se jasal, billi naqblu ma’ li qed jipproponi li jwettaq.”

    DIFLAZZJONI

    Domna daqshekk żmien nokorbu dwar l-inflazzjoni – il-periklu li jpoġġina fih l-għoli tal-prezzijiet għax jaħraq kull żieda fil-ġid u għax ifaqqar lill-popli. Sew ġara li tmexxiet kampanja kontra l-għoli bla rażan tal-prezzijiet. Imma tat lok għal eċċessi f’ħidma li wasslet lejn awsterità żejda.

    Imma dik kienet il-linja. Fid-difiża tal-ewro. Fil-mod kif il-Fond Monetarju Internazzjonali jmexxi l-ħidmiet tiegħu dwar pajjiżi li jkunu baxxa fortuna.

    Biss f’daqqa waħda, l-bankiera u l-ministri tal-finanzi qed jgħidulna li fiż-żona tal-ewro feġġ periklu ġdid: mhux l-għoli tal-prezzijiet, imma l-fatt li dawn qed jonqsu, xi kultant bil-kbir: id-diflazzjoni!

    Ifakkruna kif il-ħsieb qatt ma kien li l-prezzijiet jinżammu ċassi, imma li ma jogħlewx aktar minn ċertu persentaġġ fis-sena, ngħidu aħna, 2 fil-mija.

    Allura, għaliex f’daqqa waħda dal-panik kollu? Għax id-diflazzjoni tista’ tkun perikoluża daqs l-inflazzjoni?

    Meta n-nies temmen li l-prezzijiet se jkomplu jaqgħu, tixtri anqas: toqgħod tistenna li jaqgħu. U l-attività ekonomika tkompli tistaġna.

    STUDJOS PBS

    Mort fl-istudjos tal-PBS għal programm ta’ filgħodu “kmieni”. Jinsabu fil-bini li minn meta kont żgħir, kont nafu bħala tar-Rediffusion. Hemm, kienu jsiru l-programmi tal-kejbil jew tar-radjo. Mhux aktar.

    Il-bini issa fih studjos tat-televixin HD, imgħammra bil-kbir. Bl-HD, qaluli, jekk ma tagħmilx mejkup speċjali, tispiċċa tidher vroma aktar milli diġà tkun.

    Bl-irtokk kollu li sarli, għajnejja xorta baqgħu beraħ biex nara l-bidliet li ddaħħlu f’dal-bini “tar-Rediffusion”. Hawnhekk snin twal ilu, ma’ JG Vassallo kont ġejt bħala student-“apprendist” fin-newsroom ta’ dak iż-żmien, għal laqgħa tal-kapijiet tar-Rediffusion mal-General Manager, ċertu Graham Binns, is-Sibt f’nofsinhar. Ġejt ukoll, dejjem ilu ħafna, biex nattendi għar-rekordjar ta’ dramm għar-radjo li kont ktibt...