L-Airshow ta' din is-sena bejn it-28 u 29 ta' Settembru

    Il-21 edizzjoni tal-Wirja Internazzjonali tal-Ajru 2013 se tittella’ s-Sibt 28 u l-Ħadd 29 ta’ Settembru fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Għall-ewwel darba f’dawn il-21 sena kemm ilha ssir, il-wirja se jkollha isem differenti. L-isem il-ġdid se jkun “airX Malta International Airshow 2013”.

    L-airshow se jittella' bis-saħħa ta’ ftehim ta’ sħubija li sar bejn l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Avjazzjoni (MAS), u airX – kumpanija privata li toffri private air charters u li topera f’Malta.

    Waqt konferenza stampa li saret illum, Joe Ciliberti, il-President tal-MAS u s-John B. Matthews, il-President ta’ airX Charter ippreżentaw il-ftehim ta’ sħubija u taw dettalji ta’ uħud mill-attivitajiet li hemm ippjanat għall-wirja ta’ din is-sena. Ciliberti ħabbar li diversi pajjiżi diġà kkonfermaw li se jieħdu sehem fl-airX Malta International Airshow 2013 u se jkunu qed jibagħtu numru ta’ ajruplani għall-wirja tal-ajru f’Malta. Dawn se jvarjaw minn jet fighters militari għal ajruplani tal-merkanzija. Il-Forzi Armati ta’ Malta (AFM), u l-linja tal-ajru nazzjonali, AirMalta, ikkonfermaw ukoll l-appoġġ tagħhom għal dan l-avveniment. Daqstant ieħor l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta li fih se tittella’ l-wirja. Se jieħdu sehem ukoll numru ta’ skejjel privati lokali tat-taħriġ tal-bdoti li se jesebixxu s-servizzi edukattivi tagħhom waqt il-wirja.

    Id-diskussjonijiet fuq il-wirja tal-ajru ewlenija (star aerial show), waslu fl-aħħar stadji ta’ negozjati u dak deċiż se jitħabbar f’Settembru. Huwa stmat li kull sena jżuru l-Air Show madwar 15,000 familja.