L-MTA għandha tiġbor iktar minn €1.5 miljun f’arretrati

    Il-każ tal-Fantasy Tours, li kienu qegħdin joperaw b’liċenzja mhux imħallsa għal diversi snin, m’huwiex każ iżolat. Bħalhom hemm diversi operaturi oħra fil-qasam turistiku. Fosthom hemm stabbilimenti tal-ikel u saħansitra lukandi.

    Imkejjen qrib il-Ministeru tat-Turiżmu qalu ma’ inewsmalta.com li l-arretrati jlaħħqu l-miljun u nofs u spjegaw kif fl-aħħar snin qajla ingħatat importanza din il-kwistjoni. “Mid-dehra kien hemm xi mument, madwar sentejn ilu, li ngħatat spinta tajba għax l-MTA kienet qoxqox mill-flus imma daqshekk. Bħal każ tal-Fantasy Tours li kienu ilhom tliet snin bil-liċenzja mhux imħallsa kien hemm oħrajn,” spjega s-sors tagħna.

    Jirriżulta li l-liġi tgħid li biex stabbiliment jopera waħda mill-kundizzjonijiet għandha tkun li l-liċenzja titħallas. Xi ħaġa li ma kinetx infurzata.

    Intant, il-każ tal-Fantasy Tours tefa’ lil diversi persuni fil-management ewlieni tal-MTA f’paniku. Dan għax dan wassal biex fetaħ għal kollox id-diskussjoni dwar is-suġġett. Tant li fis-sigħat li ġejjin mistenni jiltaqa’ dak magħruf bħala “Enforcement Board.” Dan huwa bord awtonomu mill-MTA u li jkun maħtur mill-Prim Ministru tal-ġurnata.