Massimo Moratti lura bħala president?

    L-ex president ta' Inter Massimo Moratti qed jaħsibha li jerġa' jirritorna fit-tmexxija ta' club tal-football hekk kif qed togħġbu l-idea li jkun fl-amministrazzjoni ta' Cremonese. Dawn tal-aħħar jinsabu bbażati fin-naħa ta' fuq tal-Italja u jilagħbu fis-Serie B.

    Bħalissa, il-Grigiorossi qed jissieltu sabiex iżommu posthom fit-tieni kategorija tal-football Taljan u l-president attwali Giovanni Arvedi lest jagħti t-tmun tal-club f'idejn l-istess Moratti.

    Arvedi jinsab xi ftit diżappuntat bil-pożizzjoni fil-klassifika tal-istess Cremonese minħabba li nvesta ħafna flus fi players ta' esperjenza iżda r-riżultati baqgħu ma waslux. 

    Hekk kif bħalissa l-football Taljan jinsab wieqaf, Moratti se jkun qed jaħseb sew x'għandu jagħmel għalkemm it-tentazzjoni li jerġa' jkun fi tmun ta' club tibqa' hemm.