AĠĠORNAT: Louis Galea jiċħad kategorikament li jrid jew qed jiġi mbuttat jieħu post Delia

    [10.30 a.m.] Aġġornat bir-reazzjoni ta' Dr Louis Galea

    Hekk kif l-istennija għal-laqgħa ta’ għada tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista kulma jmur dejjem aktar qed tikber, hekk kif dejjem qed tikber ukoll il-possibbiltà li Adrian Delia jitneħħa minn Kap, sorsi fi ħdan il-PN qalulna li bosta huma dawk li qed jappoġġjaw il-ħatra ta’ kap interim, b’Louis Galea meqjus bħala l-profil l-aktar addattat għal din il-kariga fil-mument attwali.

    L-istess sorsi qalulna li dan ix-xenarju diġà kien qiegħed jittieħed inkunsiderazzjoni sa ftit tax-xhur ilu, b’Louis Galea li jidher li anke kellu l-appoġġ ta’ Membri Parlamentari Nazzjonalisti biex jidħol għal din il-kariga f’każ li Delia jwarrab kaġun tad-disfatta elettorali li l-PN ġarrab fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Is-sorsi fi ħdan il-Partit qalulna li l-ħatra ta’ Galea bħala kap interim tagħmilha possibbli li jkun jista’ jintgħażel kap futur bi trankwillità u mingħajr ma jkollu jiffaċċja elezzjoni fi żmien qasir wara l-ħatra tiegħu.

    Din mhix l-ewwel darba li l-eks Ministru tal-Edukazzjoni u Segretarju Ġenerali tal-PN qed ikun assoċjat bit-tmexxija tal-Partit. Fl-2004 huwa kien wieħed mill-kontestanti biex jieħdu t-tmexxija tal-PN wara Eddie Fenech Adami. Huwa kien kiseb 133 vot (15.5%) mill-kunsillieri, biż-żewġ kontestanti l-oħrajn – Lawrence Gonzi u John Dalli – jiksbu 508 voti (59.1%), u 219 vot (25.4%) rispettivament.

    Huwa kien anke kkonferma li fl-1997 kien ikkonfrontat minn Eddie Fenech Adami dwar l-allegat involviment tiegħu biex ikun hemm bidla fit-tmexxija tal-Partit. Madankollu Galea ċaħad l-involviment tiegħu f’dan. 

    Fl-elezzjoni tal-2008, Louis Galea ma kienx ġie elett fil-Parlament. Madankollu sussegwentement kien inħatar Speaker b’riżoluzzjoni tal-Kamra tar-Rappreżentanti.

    Mistoqsi minn dan is-sit dwar id-disponibbiltà tiegħu li jieħu rwol aktar ċentrali fit-tmexxija tal-Partit, Galea baqa’ ma weġibx.

    Intant għada huwa mistenni jressaq il-proposti tiegħu biex il-partit jiġi riformat. Fost oħrajn huwa mistenni jressaq 'il quddiem l-idea li ma jkunux it-tesserati li jagħżlu lill-kap tal-partit, kif kien il-każ fil-ħatra ta' Delia, u li jinbidel isem il-partit.

    Intant fi stqarrija, u wara li ma rrispondiex għall-mistoqsijiet li ntbagħtulu lbieraħ, Louis Galea ċaħad kategorikament li huwa jrid jew qed jiġi mbuttat biex jieħu post il-Kap attwali Nazzjonalista Adrian Delia.

    Huwa qal li m’hemm l-ebda verità li “bosta huma dawk li qed jappoġġjaw il-ħatra ta’ kap interim, b’Louis Galea meqjus bħala l-profil l-aktar addattat għal din il-kariga fil-mument attwali”.

    Huwa qal li m’hemm l-ebda verità wkoll li xi Membri Parlamentari qat b’xi mod indikaw li f’xi żmien riedu jew iridu lilu f’xi mument bħala Kap interim.

    Saħaq li “meta f’Lulju lqajt l-istedina tal-Kap tal-Partit, Dr Adrian Delia, u tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN biex ngħin fil-proċess ta’ tiġdid tal-partit, għal mistoqsijiet tal-ġurnalisti, iddikjarajt kategorikament li m’għandi l-ebda intenzjoni naċċetta l-ebda kariga fil-partit, wisq aktar ta’ Kap interim, ħlief li ngħin fir-riforma u tiġdid tal-partit bħala servizz lil Kap Adrian Delia u lill-partit.”

    B’referenza għall-artiklu Galea temm jisħaq li “bħalma ġara fil-passat, min ma jridx il-PN jiġġedded u jissaħħaħ qiegħed b’mod attiv jipprova joskura il-proċess, waqt li fl-istess ħin ifixkel u jimmisinforma lill-membri u kunsilliera tal-partit li fl-aħħar mill-aħħar huma n-nies li jridu jiddeċiedu fl-aħjar interess tal-pajjiż u tal-partit.”