Manchester City se jfittxu lill-UEFA għad-danni fuq l-FFP

    Manchester City talbu għad-danni mill-UEFA għal dak li qed jallegaw li kienu nixxigħat “illegali” lill-media rigward l-investigazzjoni fil-possibbiltá ta’ ksur tar-regolamenti tal-Financial Fair Play (FFP).

    Il-UEFA warrbet it-talbiet tal-club, li qalet li kienu “mingħajr bażi” u “mhux aċċettab­bli fit-ton tagħhom”.

    Id-dettalji tal-appell tas-City kontra l-investigazzjoni tal-FFP ġew pubblikati mill-Qorti tal-Arbitraġġ għall-Isport (CAS).

    Huwa mifhum li l-verdett tal-FFP mill-kamra aġġudikatorja tal-UEFA jinsab viċin.

    F’Novembru tas-sena l-oħra il-CAS ħabbar l-appell tas-City li titwaqqaf l-investigazzjoni tal-FFP mill-UEFA għax ma kinitx “permessa” minħabba li l-Club Financial Control Body (CFCB) tal-UEFA ma kienx għadu ddetermina x’ikun, jekk ikun hemm, kastig li l-club għandu jiffaċċja jekk jinstab ħati li kiser il-kontrolli tal-infieq.

    Is-sentenza sħiħa tal-appell turi li s-City argumentaw li deċiżjoni mill-kamra investigatorja tas-CFCB li tirreferi l-każ lill-kamra aġġudikatorja ttieħed “b’mod mhux xieraq u prematur”.

    Huma anke argumentaw li l-UEFA “kisret sistematikament, u qed tkompli tikser, l-obbligi espressi tagħha ta’ kunfidenzjalità”, meta sostnew li individwali li jaħdmu fl-għaqda li tmexxi l-football kienu qed iwasslu informazzjoni lill-ġurnalisti. Is-City sostnew li l-investigazzjoni għandha tiġi sos­piża u li l-UEFA għandha tmexxi investigazzjoni fl-allegati tnixxijiet.