Il-Posta Taljana twieġeb lil Maurizio Sarri

    “Poste Italiane” ħarġu stqarrija uffiċjali wara dak li ntqal mill-coach ta’ Juventus Maurizio Sarri qabel is-semi-finali tal-Coppa Italia kontra Milan li spiċċat fi draw ta’ 1-1.  

    Fil-fatt waqt din il-konferenza stampa, Sarri ġie mistoqsi dwar il-pressjoni li qed iħoss kemm ilu coach ta’ Juventus. L-ex coach ta’ Napoli irrisponda xott xott billi qal li hu kapaċi għal din il-pressjoni u li kieku ma kienx hekk kien imur jaħdem ma’ tal-posta.

    Din id-dikjarazzjoni xejn ma niżlet tajjeb mad-dipartiment postali tal-pajjiż hekk kif sejħu lil Sarri bħala maledukat u fuq kollox injorant.

    L-istqarrija tgħid li kuntrarju għal dak li pprova jpinġi l-coach ta’ Juventus, il-Posta Taljana hi waħda mill-ikbar dipartimenti li hemm fl-Italja.

    L-istqarrija ttemm tgħid li l-Posta Taljana tistieden lil Sarri jiġi jqatta’ ġurnata magħhom sabiex ikun jaf kif isir ix-xogħol f’dan id-dipartiment tant importanti.