In-numru tal-vittmi tat-terremot fit-Turkija jitla' għal 31 … Erdogan jattakka “propoganda negattiva” kontra l-pajjiż

    In-numru tal-vittmi ta’ terremot li laqat lit-Turkija tard nhar il-Ġimgħa filgħaxija telgħu għal 31 persuna. Dan kien ikkonfermat illum mill-awtoritajiet Torok hekk kif l-isforzi biex jinstabu aktar nies maqbudin taħt it-tifrik ta’ binjiet li ġġarrfu għadhom għaddejjin.

    It-terremot kellu qawwa ta’ 6.8 fuq l-Iskala Richter, bl-epiċentru tiegħu tkun il-belt żgħira ta’ Sivrice fil-provinċja ta’ Elazig. Madankollu l-qawwa tat-theżżiżiet inħassu wkoll minn bliet u saħansitra pajjiżi fil-viċin tat-Turkija.

    L-Aġenzija Torka għall-Immanġġjar ta’ Diżastri u Emerġenzi (Afad) ikkonfermat li l-vittmi kienu telgħu għal 31 persuna, bil-biċċa l-kbira tal-imwiet ikunu reġistrati f’Elazig, b’erba’ fatalitajiet oħrajn iseħħu f’Malatya. Madankollu l-aġenzija qalet li kaġun tat-terremot indarbu wkoll 1,607 persuna oħrajn.

    B’kollox iġġarrfu mat-80 binja, b’645 binja oħra f’Elazig u Malatya jsofru ħsarat konsiderevoli.

    Intant il-President Tork Recep Tayyip Erdogan wiegħed li kien se jaċċerta li dawk kollha milqutin mit-terremot ma jispiċċawx mingħajr saqaf fuq rashom.

    Fl-istess waqt wissa lin-nies biex ma jirrepetux xnigħat “negattivi” dwar li l-pajjiż mhuwiex ippreparat għal ċirkostanzi ta’ terremoti.

    It-terremot kien segwit minn 398 aftershock, bl-aktar qawwijin jirreġistraw 5.4 u 5.1 fuq l-Iskala Richter.