€93,191 kumpens għal ċiklist li ttajjar

    Imħallef ordna raġel u lill-kumpanija tal-assikurazzjoni li magħha huwa inxurjat biex jagħtu €93,191 lil ċiklist wara li dan ittajjar b'karozza.

    Silvan Farrugia fetaħ il-kawża fil-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili kontra Carmelo Gatt u Gasan Mamo Insurance Limited b'rabta mal-inċident li kien seħħ fit-30 ta' April 2015 fi Triq Ħal Far, Birżebbuġa.

    Farrugia kien għaddej bir-rota bħala parti mit-taħriġ biex jipparteċipa fil-Life Cycle Challenge meta ntlaqat minn Gatt li kien sejjer għall-mara peress li taħdem fl-uffiċini tal-Jobsplus.

    Quddiem l-Imħallef Lawrence Mintoff irriżulta li Gatt daħal mit-triq primarja għal dik sekondarja meta laqat lil Farrugia bl-imsemmi ġudikant jgħid li ċ-ċiklist kien liebes ilbies li jispikka u għalhekk kien traskurat meta ma rahx.

    Meta ġie biex jaħdem l-ammont tal-kumpens huwa qies, fost oħrajn, li Farrugia sofra diżabilita ta' 65% u għalhekk ikkundanna lil Gatt u l-kumpanija tal-assikurazzjoni jħallsuh €93,191 bejniethom.