“L-aqwa żmien fl-edukazzjoni deħlin għalih issa”

    Il-Ministru tal-Edukazzjoni ġdid, Owen Bonnici, determinat għal suċċess fil-ħidma tiegħu

    Il-ħatra ta’ ministru ġdid fis-settur edukattiv iġġib magħha ħidma intensiva wara li fis-snin li għaddew kien hemm għadd ta’ kwistjonijiet fosthom in-nuqqas ta’ għalliema, is-sigurtà u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, kif ukoll temi oħra li wasslu biex żewġ unjins isemmgħu b’saħħa leħinhom bil-għan li s-sitwazzjoni f’dan is-settur tinbidel. Tkellimna mal-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol ġdid, Owen Bonnici, fejn qalilna li, “ġenwinament nemmen li l-aqwa żmien għal pajjiżna fis-settur edukattiv se nidħlu fih fix-xhur u s-snin li ġejjin. Irridu li pajjiżna jagħmel isem għalih f’dan il-kamp u li isem pajjiżna jkun assoċjat ma’ suċċess fil-kamp edukattiv.”

    Owen Bonnici qal li bħal kull ħaġa oħra fil-ħajja jaf li m’huwiex kollox ward u żgħar. “Lil dawk l-għalliema li qegħdin ibatu biex ikomplu jsibu l-motivazzjoni biex ikomplu jgħallmu għax jemmnu li t-tekniċi mhux qegħdin ikunu sensittivi għall-ħtigijiet tagħhom, jien irrid nismagħhom u ngħinhom fil-ħidma tagħhom. Lil dawk l-istudenti li m’humiex iħossu li s-suġġetti li qegħdin jitgħallmu huma ta’ importanza għalihom, jien irrid inkun hemm għalihom. Lil dawk il-genituri li qegħdin jinkwetaw fuq il-vjagg edukattiv ta’ wliedhom, jien irrid ngħinhom,” wiegħed il-Ministru tal-Edukazzjoni l-ġdid.

    Huwa qal li l-kmandamenti li se jmexxuh fil-ħidma tiegħu huma erbgħa. “L-ewwel irrid li aktar tfal u żgħażagħ imorru aħjar fl-iskola u fejn hemm nuqqasijiet fis-sistema, dawn iridu jissewwew, kif ukoll fejn hemm studenti tajbin, irridu nkomplu nħeġġuhom biex jirnexxu; it-tieni rrid li dawk it-tfal u żgħażagħ li soċjalment jiffaċċjaw sfidi kbar jingħataw is-support kollu meħtieg biex jibqgħu fis-sistema edukattiva, jitħarrġu u jkunu mħejjin biex jirnexxu fid-dinja tax-xogħol. Għalhekk aħna partit soċjal-demokratiku wara kollox. Dawk li jaqbdu u jitilqu mill-iskola ta’ 16-il sena jridu jkomplu jonqsu; it-tielet irrid li l-poplu kollu jibqa’ jitgħallem, jitħarreġ u jipparteċipa fit-tagħlim li jingħata, anke f’età avvanzata; u r-raba’ rrid li aktar studenti jagħmlu suċċess fl-istadju ta’ edukazzjoni terzjarja jew avvanzata jew vokazzjonali, “ elenka l-Ministru Bonnici.  

    Huwa qal li japprezza fuq kollox il-ġid kollu li sar fl-edukazzjoni fl-aħħar snin minn Gvern Laburista fejn saru għadd kbir ta’ riformi li għamlu ħafna u ħafna ġid lil pajjiżna. Bonnici semma’ r-riforma li għenet tant familji bl-introduzzjoni taċ-childcare b’xejn. Barra minnhekk, ġiet imġedda s-sistema skolastika b’learning outcomes u assessjar matul is-sena, qegħdin jitneħħew  l-eżamijiet ta’ nofs is-sena, saru l-eżamijiet tas-SEC u l-MATSEC b’xejn, it-trasport b’xejn għall-istudenti kollha tal-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti, ġew introdotti suġġetti vokazzjonali u applikati fl-iskejjel kollha tal-istat u nfetħu għexieren ta’ workshops ġodda, infetħu childcare centres u skejjel ġodda, tjiebu l-kundizzjonijiet tal-gradi tal-għalliema li kienu tħallew lura mmens matul is-snin u ngħatat spinta lill-Università, inkluż fl-infrastruttura tagħha u sar l-istess fl-MCAST.

    Il-Ministru Bonnici qal li dan it-tajjeb kollu li sar irid ikompli jibni fuqu u li se jara li jissokta x-xogħol fuq l-iskejjel, il-bini ta’ childcare centres, skejjel u faċilitajiet oħra. Fl-aħħar Bonnici wiegħed li, “se nara li l-ħidma tal-għalliema tkompli titjieb u l-professjoni ta’ għalliem tkun aktar attraenti u stmata. Barra minnhekk, se nara li s-sigurtà fl-iskejjel tkompli tissaħħaħ”.