''Christine kellha għal qalbha l-muturi... Se niltaqgħu bil-muturi u nitilqu għaċ-Ċirkewwa biex intuha l-aħħar tislima''

    Is-Sibt li għadda, inħasdet il-ħajja ta' Christine Gauci, żagħżugħa Għawdxija ta' 35 sena li kellha għal qalbha l-baħar u l-muturi. Fil-fatt, Christine, barra li kienet membru tal-Forzi Armati ta' Malta, fejn saħansitra serviet fl-Afghanistan, kienet ukoll bugħaddasa u bandista mal-Banda Ċittadina La Stella fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika La Stella. 

    L-inċident seħħ waqt li Christine kienet qiegħda togħdos f'Imġarr ix-Xini ma persuna oħra. Għal xi raġuni li għadha mhux magħrufa, Christine sabet ruħha f'diffikultà bil-konsegwenza li tilfet ħajjitha. 

    Intant, il-funeral tagħha se jsir nhar il-Ħamis 23 ta' Jannar, ir-Rabat Għawdex. F'appell fuq Facebook, il-ħbieb ta' Christine qed jifthemu biex jiltaqgħu l-Luxol Grounds bil-muturi tagħhom u jitilgħu ċ-Ċirkewwa fejn minn hemm jaqbdu l-vapur biex jagħtu l-aħħar tislima lil Christine.