“Għamilna ħafna ġid u issa rridu nkunu kuraġġużi biex dak li għamilna ħażin nirranġawh”

    “Għamilna ħafna ġid u issa rridu nkunu kuraġġużi biex dak li għamilna ħażin nirranġawh.” Qal dan id-Deputat Prim Chris Fearne f’attività politika f’Bormla, li se sservi wkoll bħala l-ewwel disrkors tal-Prim Ministru Robert Abela.

    Fearne saħaq li matul dawn l-aħħar seba’ snin ta’ Gvern Laburista sar ġid kbir, b’mod speċjali fl-ekonomija, fis-settur tas-saħħa, is-servizzi soċjali, u drittijiet ġodda lis-soċjetà.

    “Il-ġid kbir li għamilna f’dawn is-seba’ snin ma jista’ jneħħihulna ħadd,” saħaq Fearne. fl-istess waqt tenna li dan il-ġid se jkun qed iservi bħala l-bażi għall-ġejjieni.

    Tenna li l-avvenimenti li seħħew matul dawn l-aħħar xhur u ġimgħat se jagħtu lill-Gvern biex jirranġa l-iżbalji li saru matul dawn l-aħħar snin.

    “irridu nitgħallmu mill-iżbalji u nkunu ċerti li ma nirrepetuhom,” tenna id-Deputat Prim Ministru.

    Għamel referenza għal erba’ oqsma li se jkunu qed isir xogħol fuqhom:

    - Il-governanza, fejn tenna li “rridu nkunu aktar bojod mis-silġ biex l-ebda tebgħa ma tħammiġna”; 

    - li tingħata spinta lill-ekonomija

    - li l-valuri tal-PL li l-ġid jitqassam ma’ kulħadd jitwettaq fil-prattika

    - u li l-Partit Laburista jkompli jissaħħaħ.