Ir-Re tar-Rock n’ Roll ukoll kien jibża’ meta jitla’ fuq il-palk

    Hu magħruf bħala r-Re tar-Rock n’ Roll, iżda wara mewtu ġie żvelat li xorta kien jinkwieta meta kien ikun se jagħmel xi kunċert  jew inkella jesebixxi ruħu quddiem eluf ta’ nies. 

    Mhu ħadd ħlief l-istilla mużikali Elvis Presley, li proprju matul din il-ġimgħa, fit-8 ta’ Jannar għalaq il-85 sena minn mindu twieled. Dan l-artist sar magħruf l-aktar fis-snin 50 u baqa’ magħruf sal-lum bħala wieħed mill-aqwa artisti solisti fl-istorja mużikali. 

    F’intervista riċenti li saret lill-eks-mara tiegħu Priscilla Presley, din qalet li Elvis kien jinkiweta ħafna dwar il-karriera mużikali tiegħu u anke kien jibża’ jidher quddiem in-nies. 

    Filwaqt li quddiem in-nies kien wieħed mill-aqwa artisti ta’ kull żmien u kien iġib ruħu b’mod kunfidenti, l-eks-mara tiegħu tgħid li fil-privat hu kien jinkwieta ħafna. Tgħid li matul il-karriera mużikali tiegħu kollha kienet taħkmu biża’ qabel ma jitla’ fuq il-palk, filwaqt li kien jaħseb ħafna u jinkwieta dwar ix-xogħol. 

    Fil-fatt, Priscilla Presley tirrakkonta li meta kellu jħalli x-xena mużikali għal kważi sentejn peress li kellu jissieħeb fl-armata, hu beda jibża’ li s-segwaċi tiegħu mhux se jibqgħu jsegwuh peress li kienu bdew gruppi oħra moderni fix-xena rock. 

    Anke aktar tard fis-sena 1968 hu beda jibża’ ħafna peress li kien kiber. Beda jaħseb li mhux se jirnexxilu jesebixxi ruħu bħal qabel, peress li ma kienx għadu żgħir bħal qabel. 

    Barra hekk, tirrakkonta li ma seta’ ħadd ikellmu qabel ma jagħti xi esibizzjoni f’Las Vegas. Ma kontx tidħol fil-kamra tiegħu u kien ikollu bżonn mumenti ta’ meditazzjoni miegħu nnifsu qabel ma joħroġ quddiem in-nies. Madankollu, l-eks-mara tiegħu tgħid li ladarba kien joħroġ fuq il-palk imbagħad kien isir persuna differenti u kien jieħu gost waqt kull mument. 

    Priscilla Presley kienet qiegħda tiġi intervista waqt attività li fiha bdiet tippromwovi film dwar Elvis Presley li se jkun jismu “Elvis in Concert - Live on Screen”. Hi ġiet ukoll mistoqsija dwar il-possibbiltà li jsiru kunċerti fejn Elvis jidher permezz ta’ ologrammi. Filwaqt li ma eskludiet xejn, Priscilla Presley qalet li għad hemm limitazzjonijiet fl-użu ta’ din it-teknoloġija u għalhekk ma ħassitx li tista’ turi vera kif kien l-artist. 

    Fil-film li se jsir dwar Elvis, l-artist li se jinterpreta l-parti tiegħu se jkun Austin Butler. Hu ntgħażel minħabba l-abbiltà li jagħmel il-movimenti bħalu u għandu abbiltajiet fil-kant. Dan il-film mistenni jintwera f’Ottubru tal-2021. 

    Elvis kien l-idolu tal-Beatles

    Fl-intervista tagħha, Priscilla Presley semmiet ukoll kif darba l-Beatles marru jżuru lil Elvis. Dak iż-żmien hi kienet għadha l-maħbuba tiegħu. Tiftakar li meta marru d-dar ta’ Elvis, hi kienet laqgħethom fil-bieb u filwaqt li bdiet turihom id-dar ħadithom fil-kamra fejn kien qed jistrieħ l-artist. 

    Tirrakkonta li kif iltaqgħu miegħu kollha baqgħu siekta u l-unika ħaġa li kienet tinteressahom dak il-ħin kienet li qegħdin jaraw lil Elvis. Filwaqt li kienu eċitati ħafna, huma kienu qegħdin iżommu lura. 

    Priscilla Presley tirrakkonta li l-membri tal-Beatles kienu qishom tfal meta jaraw lill-idolu tagħhom, u b’mod speċjali John Lennon. Tgħid li dan tal-aħħar tant kien mistħi u timidu jħares lejh li bħal donnu ma setax jemmen. Tgħid li kienet ukoll sitwazzjoni daqsxejn stramba għax baqgħu jħarsu lejh, mingħajr ma jgħidu xejn. 

    Tgħid li mbagħad Elvis qalilhom li jekk se joqogħdu jiċċassaw lejh u ma jgħidu xejn, allura jista’ jaqbad u jagħmel dak li jaf jagħmel. Imbagħad qabad kitarra u beda jdoqq. Dan għenhom biex jikkalmaw ftit u minn hemm bdew jitkellmu miegħu. 

    Eks-maħbuba ta’ Elvis tagħti ġiżirana tiegħu lil binha

    Intant, fil-Milied li għadda ċerta Linda Thompson, li kienet il-maħbuba ta’ Elvis għal madwar ħames snin fis-snin sebgħin, tat giżirana li kienet ta’ Elvis lil binha Brody Jenner. 

    Fil-fatt, Thompson żvelat dan fuq Instagram hekk kif qalet li kienet tat ġiżirana lil binha u li din qabel kienet tal-eks-sieħeb tagħha Elvis Presley. Spjegat li din il-ġiżirana saret mill-ġojjellier ta’ Presley, Lowell Hays u kellha l-ittri TCB fuqha. Dawn kienu jfissru l-motto ta’ Elvis Presley li kien jgħid “Taking Care of Business”. 

    Barra milli kienet il-maħbuba ta’ Presley, Thompson kienet ukoll miżżewġa ma’ Caitlyn Jenner u flimkien kellhom żewġt itfal - Brody u Brandon Jenner. Hi ltaqgħet ma’ Elvis fl-1972 meta kien għad kellha 22 sena. 

    Tistqarr li matul l-ewwel sena kienu jkunu flimkien 24 siegħa kuljum. Iżda mbagħad l-imħabba ta’ bejniethom sfaxxat peress li Elvis kellu problemi bid-drogi u anke stejjer ma’ nisa oħrajn. Imbagħad fl-1976 il-problema tad-dipendenza fuq id-droga żdiedet, filwaqt li kellu ħafna aktar relazzjonijiet. Għalhekk Thompson telqitu. Il-kantant miet sena wara.