Sander Berge fir-radar ta’ Napoli

    Wara li beda l-avventura tiegħu b’telfa, il-coach ta’ Napoli Gennaro Gattuso talab lid-direttur sportiv Cristiano Giuntoli sabiex jintervjeni mill-aħjar li jista’ issa li ġej is-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar. Wieħed mid-dipartimenti li qed jinkwieta lill-eks kowċ ta’ Milan hu proprju f’nofs il-grawnd fejn deher ineżistenti fil-logħba li l-Partenopei lagħbu kontra Parma u tilfu bl-iskor ta’ 2-1.

    Huwa għalhekk li Gattuso qed iħares lejn midfielder li jista’ jsaħħaħ nofs il-grawnd u dan hu Sander Berge, plejer Norveġiż ta’ 21 sena, li bħalissa jilgħab ma’ Genk. Dan il-player diġá kellu ċ-ċans li jilgħab kontra Napoli fil-fażi tal-gruppi tal-UEFA Champions League. Fil-fatt id-diriġenti tal-club min-naħa t’isfel tal-Italja baqgħu impressjonati bil-kwalitajiet li għandu fil-ground. S’issa huwa lagħab 64 partita mat-team Belġjan u skorja żewġ goals.

    Berge diġá sar isem stabbilit mat-team nazzjonali ta’ pajjiżu meta lagħab 20 darba filwaqt li skorja goal wieħed biss.