Twissija ta' riħ qawwi tibqa' fis-seħħ illum ... appell lis-sewwieqa biex jieħdu prekawzjonijiet

    Bniedem avżat nofsu armat. Wara li lbieraħ xi siti bassru riħ qawwi li beda mill-bieraħ din it-twissija tibqa' fis-seħħ għal-lum is-Sibt 14 ta' Diċembru.

    It-temp mistenni jkun ikkaratterizzat minn riħ qawwi ħafna u b'ħalbiet tax-xita li jistgħu jkunu bir-ragħad u saħansitra mhux eskluż li jagħmel xi silġ żgħir f'xi nħawi. It-temp isir ftit imsaħħab b' riefnu qawwi ħafna mill-Majjistral Forza 9 għal Forza 10 li jonqos bilmod għal Forza 7.

    L-inqas temperatura se tkun dik ta' 14°C filwaqt li l-ogħla titla għal 17°C.

    Intant resident ta' Marsaskala li xerred ritratt kmieni dalgħodu wissa' dwar periklu ta' ħadid li nqaleb kawża tal-maltemp ta' matul il-lejl u li kien qiegħed jostakola t-triq.

    Is-sewwieqa huma wkoll imħeġġin jevitaw li jipparkjaw viċin il-baħar, jew taħt siġar kbar u dawk dilettanti tal-bċejjeċ tal-baħar għandhom mhux biss ma jisfidawx it-temp, iżda anke jieħdu prekawzjonijiet meħtieġa minħabba r-riefnu mistenni.

    Jekk assistejt għal xi ħsarat jew għandek xi ritratti relatati għaddihomlna fuq inewsmalta@gmail.com jew b'messaġġ fuq il-paġna tagħna ta' Facebook... Grazzi.