Sant jgħid li mhux iż-żmien għall-“prima donnas”

    L-ewroparlamentari Alfred Sant appella biex f'dan iż-żmien ta' bidla għall-PL ma jkunx hemm min jagħmilha tal-prima donna.

    “Fi żminijiet hekk fuq kollox, l-aktar ħaġa li tagħmel ħsara hi ta' dawk li mill-għoli jew mill-baxx, joqgħodu jilgħabuha tal-prima donni”.

    Sant insista li f'dan iż-żmien ta' bidla hu kruċjali li l-affarijiet isiru bil-kalma u bil-ħsieb.

    Huwa qal li tgħallem ħafna dwar dan fl-1984 meta ġie elett President tal-PL u l-Perit Dom Mintoff kien qed iħejji biex jitlaq mit-tmexxija tal-partit u l-pajjiż.

    Sant żied li fil-PL kien hemm min ma setax jaċċetta li Mintoff kien se jitlaq, oħrajn riduh jitlaq u oħrajn li kienu lesti jaċċettaw id-deċiżjoni tiegħu.

    Kien hawn li huwa wissa li l-iktar ħaġa li tagħmel ħsara hija li jkun hemm nies, kemm mill-għoli kif ukoll mill-baxx, li jagħmluha tal-prima donnas.