AĠĠORNAT: Is-servizz tal-internet jerġa' għan-normal … GO tħassar l-istaff party u tagħti l-ikel u x-xorb lil min hu fil-bżonn

    AĠĠORNAT: Eluf ta’ klijenti ta’ GO spiċċaw bla konnessjoni mal-internet, bil-kumpanija tesperjenza ħsarat fil-provvista tan-netwerk tal-internet u l-mowbajl tagħha.

    Il-ħsarat żviluppaw għall-ħabta tal-4.15 p.m.

    Il-ħsarat ma jillimtawx ruħhom biss għal-linja tal-internet fissa, iżda wkoll għal dik ta’ fuq il-mowbajl.

    Intant diversi klijenti tal-kumpanija tat-telekomunikazzjoni lmentaw fuq il-midja soċjali dwar il-ħsarat, b’mod speċjali post fuq il-midja soċjali tal-kumpanija li kienet tgħid li l-ħwienet kollha tal-kumpanija kienu se jagħlqu kmieni minħabba attività tal-impjegati.

    Intant fi stqarrija l-kumpanija GOP qalet li bħalissa hemm tim ta’ inġiniera li qed jaħdmu bla waqfien sabiex isibu l-ħsara u jwettqu t-tiswijiet neċessarji. GO esprimiet id-dispjaċir tagħha għal dan l-inkonvenjent. Dan filwaqt li qalet li se tibqa' tikkomunika kull żvilupp.

    Intant is-servizz tal-internet kemm minn linja fissa u kif ukoll minn linja tal-mowbajl beda ġej lura għan-normal. 

    Qalet dan il-kumpanija GO li qalet li sofriet ħsarat fil-konnessjonijiet internazzjonali tagħha, u dan spiċċa kellu impatt kbir fuq is-servizz tal-internet u fuq ċerti servizzi relatati man-negozju.

    GO qalet li l-inġiniera tagħha, u l-imsieħba tagħha barra minn Malta ħadmu bla waqfien biex is-servizz jitreġġa’ lura għan-normal u fl-iqsar ħin possibbli.

    Il-kumpanija żiedet tgħid li dan l-inċidenti sfortunatament, kellu jinzerta mal-fatt li iżjed kmieni llum, il-kumpanija kienet ħabbret li se tagħlaq ftit iżjed kmieni mis-soltu minħabba l-istaff party tagħha. Tenniet minħabba li għaliha l-klijenti jiġu l-ewwel ittieħdet id-deċiżjoni li titħassar l-attività tal-ħaddiema, bil-kumpanija tiddeċiedi li l-ikel u x-xorb kollu ordnat jingħata lil dawk l-iżjed fil-bżonn.