Sitwazzjoni inkwetanti f’Sydney kawża tan-nirien

    Ċpar qawwi kkawżat min-nirien li qegħdin jaħkmu fl-Awstralja kkawżaw kaos fil-belt ta’ Sydney. Dan wassal għal livelli perikolużi f’dik li hija kwalità tal-arja, għadd ta’ alarms tan-nirien bdew idoqqu kif ukoll wassal għal viżibbiltà ħażina ħafna. 

    Iċ-ċpar li ħakem ilbieraħ kien deskritt mir-residenti ta’ din il-belt bħala l-agħar wieħed li laqat lil din il-belt s’issa kemm ilhom għaddejjin il-bushfires . 

    Kawża tan-nuqqas kbir ta’ viżibilità, it-traġitti bil-vapuri u d-dgħajjes kellhom jitħassru filwaqt li saħansitra f’ċertu nħawi ta’ din il-belt għadd ta’ ċittadini kellhom jiġu evakwati. Ir-residenti ta’ din il-belt iddeskrivew is-sitwazzjoni bħala waħda bla preċedent u “apokalipika”. 

    Għadd ta’ ċittadini fuq il-midja soċjali stqarrew kif qegħdin isofru minn problemi respiratorji kawża ta’ dan id-duħħan fejn uħud saħanistra qalu li qed iħossuhom “jifgaw”. 

    Din il-belt ilha ġimgħat tesperjenza kwalità ta’ ajra li hija f’livelli perikolużi. Dan kollu qed iseħħ hekk kif madwar 100 roqgħda ta’ nirien għadhom qegħdin jippersistu madwar New South Wales (NSW). 

    Dawn in-nirien qegħdin dejjem jinfirxu tant li issa jinsabu biss siegħa sewqan ’il bogħod minn Sydney. 

    Din hija l-ikbar belt Awstraljana b’popolazzjoni ta’ ftit iktar minn ħames miljun persuna.