Il-mexxej ta' Myanmar Aung San Suu Kyi mitluba twaqqaf il-ġenoċidju tal-Musulmani Rohingya

    Ir-rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi, Aung San Suu Kyi, intalbet biex Myanmar “twaqqaf il-ġenoċidju” ta’ Musulmani Rohingya. Dan hekk kif illum dehret quddiem il-Qorti tan-Nazzjonijiet Uniti.

    Aung San Suu Kyi semgħet xhieda grafika ta’ qtil tal-massa u każi ta’ stupru fil-Qorti ta’ The Hague.

    Intant fi Myanmar eluf ta’ persuni għamlu rally f’turija ta’ appoġġ fil-konfront tal-mexxej tal-pajjiż, li rat ir-reputazzjoni internazzjonali tagħha tiġi mtappna mis-silenzju tagħha dwar il-ġenoċidju tal-Musulmani Rohingya.

    Huwa stmat li mas-740,000 Rohingya kienu mġegħlin jaħarbu lejn il-pajjiż ġar tal-Bangladesh wara l-aġir brutali tal-militar tal-pajjiż fil-konfront tagħhom fl-2017, deskritt mill-investigaturi tan-Nazzjonijiet Uniti bħala ġenoċidju.

    Il-Gambia, li għandu maġġoranza Musulmana, qed jakkuża lil Myanmar bi ksur tal-konvenzjoni dwar il-ġenoċidji li ġiet fis-seħħ fl-1948, bil-pajjiż jitlob lill-Qorti ta’ The Hague biex tieħu miżuri ta’ emerġenza biex twaqqaf aktar forma ta’ vjolenza.