Erdogan jgħid li t-Turkija lesta tibgħat truppi l-Libja

    Il-President Tork Recep Tayyip Erdogan illum qal li t-Turkija tista’ tibgħat truppi l-Libja jekk il-gvern ta’ Tripli li jgawdi mill-appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti jagħmel din it-talba.

    Erdogan għamel dan il-kumment ġimgħat wara li t-turkija iffirmat ftehim għal koperazzjoni militari u dwar is-sigurtà, u kif ukoll ftehim kontroversjali dwar il-fruntiera marittima, mal-Gvern Libjan ibbażat fi Tripli. Dan il-Gvern, immexxi minn Fayez Sarraj, jikkontrolla lill-Punent tal-pajjiż.

    “Jekk il-Libja tagħmlilna din it-talba, aħna nibgħatu numru suffiċjenti ta’ truppi,” saħaq Erdogan waqt laqgħa li kellu ma’ studenti universitarji. “Wara l-ftehim li ffirmajna dwar l-aspett ta’ sigurtà, m’hemm l-ebda ostaklu dwar dan.”

    Erdogan żied jgħid li l-Ġeneral Khalifa Hifter, li jmexxi l-Armata Nazzjonali Libjana, m’għandu l-ebda “identità nazzjonali”.