It-tielet flyover tal-Marsa Junction Project tiftaħ din il-ġimgħa

    Infrastructure Malta se tiftaħ it-tielet flyover tal-Marsa Junction Project u telimina t-traffic lights li nużaw bħalissa ħdejn iċ-Ċimiterju tal-Addolorata sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa.  

    Wara l-ftuħ tal-ewwel żewġ strutturi ta’ flyovers ta’ dan il-proġett, ix-xogħol kompla għaddej bla heda. Oriġinarjament, it-tielet flyover kienet ippjanata li titlesta f’Jannar li ġej. Erba’ flyovers oħra ta’ dan l-investiment konfinanzjat mill-Unjoni Ewropea se jinfetħu għall-pubbliku sa’ Ġunju tal-istess sena.  

    Mal-ftuħ tat-tielet flyover, Infrastructure Malta tkun tista’ żżarma darba għal dejjem is-sistema tat-traffic lights ħdejn iċ-Ċimiterju tal-Addolorata, sabiex ikompli jonqos il-ħin tal-ivvjaġġar għal aktar minn 100,000 persuna li ta’ kuljum jivvjaġġaw minn din il-junction. 

    It-tielet flyover se toħloq konnessjoni diretta bejn Triq Aldo Moro u Vjal Santa Luċija. Infrastructure Malta bdiet tiksi ż-żewġ korsiji li jgħaddu minn fuqha bl-asfalt il-ġimgħa li għaddiet. Jekk it-temp jippermetti, din il-ġimgħa tlesti l-aħħar xogħlijiet meħtieġa biex tkun tista’ tinfetaħ għall-pubbliku.  

    Għall-ewwel, il-flyover se tintuża fid-direzzjoni tan-nofsinhar, mill-Marsa lejn Santa Luċija. B’hekk, jingħalqu l-korsiji eżistenti li bħalissa jintużaw għal din ir-rotta biex ikunu jistgħu jitlestew l-erba’ flyovers l-oħra. Meta dawn ikunu lesti wkoll, it-tielet flyover tkun tista’ tintuża fid-direzzjoni tat-tramuntana, minn Vjal Santa Luċija lejn Triq Aldo Moro.   

    Il-gverta ta’ din il-flyover tinkludi 65 travu tal-konkos li se jiffurmaw rotta ta’ 227 metru (it-tul ta’ żewġ grounds tal-football) minn Vjal Santa Luċija sakemm tingħaqad mal-ogħla parti tal-ewwel flyover fi Triq Aldo Moro, waħda mit-tnejn li diġà qed jintużaw. L-iżjed parti għolja tal-gverta tagħha hija għolja 15.9 metri (aktar minn erba’ sulari u nofs) ’l fuq mill-livell tat-triq.

    Il-Marsa Junction Project, li qed isir b’investiment ta’ €70 miljun biex jelimina t-traffic lights ta’ ħdejn l-Addolorata, jinkludi aktar minn 12-il kilometru ta’ korsiji ġodda li se jgħaddu b’mod separat minn fuq xulxin fi tliet livelli differenti, u se joħolqu konnessjonijiet diretti kemm lejn it-tramuntana kif ukoll lejn in-nofsinhar bejn it-toroq arterjali li jingħaqdu f’din il-ħolqa. B’hekk se jispiċċa l-ħin ta’ stennija li kien ikun hemm tul din ir-rotta prinċipali lejn in-naħa t’isfel ta’ Malta u jonqsu l-emissjonijiet ikkaġunati mill-konġestjoni fil-Marsa u lokalitajiet oħrajn fil-madwar. 

    Bil-proġett se jiġu introdotti wkoll faċilitajiet ġodda għal mezzi alternattivi ta’ trasport, fosthom bankini u korsiji għar-roti, pontijiet għall-mixi, waqfiet u korsiji għall-karozzi tal-linja, żona ta’ park and ride u żoni ġodda msebbħin bis-siġar u l-pjanti, fost infrastruttura oħra ġdida.