Norman Vella: “Il-ġlieda tagħna mhix se tieqaf ma’ Joseph Muscat. Il-verità rriduha kollha u sħiħa.”

    “Dak li smajt fil-Qorti din il-ġimgħa b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia waħħaxni.” Hekk saħaq Norman Vella hekk kif indirizza l-protesta fil-Belt Valletta.

    Tenna li l-Prim Ministru Joseph Muscat baqa’ jiddefendi liċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri, meta minn xhieda fil-Qorti l-istess Schembri kien implikat fil-qtil ta’ Caruana Galizia.

    Irrefera wkoll għax-xhieda tal-allegat middleman fil-qtil ta’ Caruana Galizia, Melvin Thuema u saħaq li anke dwar dak li ħareġ mix-xhieda tiegħu jeħtieġ li tintrefa’ responsabbiltà politika.

    Vella tenna li l-protesti se jibqgħu jsiru sakemm toħroġ il-verità kollha.

    B’referenza għall-mexxej li se jkun qed jieħu post Joseph Muscat, Vella tenna li “l-ġlieda tagħna mhix se tieqaf ma’ Joseph Muscat. Il-verità rriduha kollha u sħiħa.”

    Saħaq li l-poplu jeħtieġ apoloġija mill-mexxej il-ġdid, u se jkun qed jistenna akkontabbiltà.