Il-Korea ta' Fuq b'test missilistiku “importanti ħafna”

    Il-Korea ta’ Fuq wettqet test missilistiku, deskritt mill-midja statali bħala li huwa “importanti ħafna” fis-sit ta’ Sohae, sit li jintuża għal testijiet ta’ din ix-xorta u li uffiċjali Amerikani kienu qalu li kellu jingħalaq.

    Il-midja tal-istat għall-Korea ta’ Fuq iddeskriviet it-test bħala “test ta’ suċċess ta’ sinjifikanza kbira”. Madankollu ma speċifikatx aktar dwar it-test li żvolġa.

    Intant esperti fil-qasam missilistiku qalu li aktarx li r-reġim immexxi minn Kim Jong-un kien wettaq test statiku ta’ magna ta’ rokit, aktar milli test li kien jinvolvi l-isparar ta’ missila.

    “Vipin Narang, espert fil-qasam nukleari fi ħdan l-Istitut Teknoloġiku ta’ Massachusetts qal li “jekk verament dan kien test statiku għal tip ta’ fjuwil ġdid, allura dan huwa twissija ġdida li l-bibieb għad-diplomazija qed jingħalqu, jekk mhux diġà ngħalqu.”

    Tenna li “dan huwa sinjal kredibbli ta’ xi d-dinja taf tistenna wara s-Sena l-Ġdida.”