Fl-Indja: Mara tingħata n-nar waqt li kienet fi triqitha l-qorti għal każ ta’ stupru li sofriet

    Mara ta’ 23 sena tinsab fil-periklu tal-mewt wara li ngħatat in-nar hekk kif kienet sejra biex tattendi seduta f’Qorti fit-Tramuntana tal-indja b’rabta ma’ stupru.

    Il-mara kienet bdiet proċeduri legali fil-konfront ta’ żewġt irġiel f’Marzu li għadda, fl-istat ta’ Utar Pradesh.

    Hija ġiet deskritta mill-midja lokali bħala li qed issofri minn ħruq f’diversi partijiet ta’ ġisimha, bil-kundizzjoni tagħha deskritta bħala waħda kritika.

    B’rabta ma’ dan il-każ ġew arestati ħames irġiel. Wieħed mis-suspettati huwa akkużat bl-allegat stupru tal-mara aktar kmieni din is-sena.

    Il-mara kienet fi triqitha lejn stazzjon tal-ferrovija meta l-grupp ta’ rġiel attakkawha u kaxkruha f’għalqa fil-viċin fejn eventwalment tawha n-nar.

    Każi ta’ stupru u vjolenza sesswali fil-konfront ta’ nisa spiċċaw fost l-aktar kwistjonijiet jaħarqu fl-indja wara li f’Diċembru tal-2012 marsa sfat stuprata minn grupp ta’ rġiel, bil-mara eventwalment tmut kaġun tal-ġrieħi li ġarrbet. minkejja dan jidher li m’hemm l-ebda indikazzjoni li dawn ir-reati qed ibattu.

    Skont l-aħħar ċifri, il-Pulizija Indjana rreġistrat 33,658 każi ta’ stupru matul l-2017, medja ta’ 92 każ ta’ stupru kuljum.