“Is-santwarji diġà jibbenefikaw u se jkomplu jibbenefikaw minn grants tal-gvern”

    Għall-kuntrarju ta’ bosta persuni li sostnew li ma jaqblux mal-għotja li tingħata lil kull individwu li jadotta annimal mis-santwarji u li minflok l-għotja għandha tiġi mogħtija lis-santwarji tal-annimali nfushom, is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri xtaq jippreċiża li s-santwarji NGOs, li jagħmlu ġid imprezzabbli f’dan is-settur, diġà u se jkomplu jibbenefikaw minn grants tal-gvern għal kull rehoming li jagħmlu.

    Is-Segretarju Parlamentari sostna li kull santwarju jingħata €70 għal rehoming ta’ kull qattus, €50 għal rehoming ta’ kull geru, €70 għal rehoming ta’ kull kelb zgħir fid-daqs, €110 għal rehoming ta’ kull kelb ta’ daqs medju u €130 għal rehoming ta’ kull kelb anzjan. Sa l-aħħar ta’ din is-sena dawn ser ilaħħqu l-ammont ta’ €60,000.

    Camilleri żied jgħid li s-santwarji u l-Animal Welfare jibbenefikaw ukoll kull sena minn VET allowance għal NGOs - €80,000, Animal Aftercare Clinic - €200,000, Animal Welfare Initiatives għal NGOs - €258,000 u Local Council Animal Fund - €50,000.

     Is-Segretarju Parlamentari għal darb’oħra qal li jemmen li din hija inizjattiva pożittiva biex il-familji jaddottaw annimal minflok jixtru u qal li jieħu nota ta’ kull suġġeriment biex, jekk ikun hemm bżonn xi tibdiliet, jiġi aċċertat li din l-allowance tintuża kollha għall-kura tal-annimal u jintlaħaq l-iskop maħsub.