Tibda f’Malta t-30 edizzjoni tal-pjattaforma artistika ARTOUR-O il-Must

    ARTOUR-O il Must hi pjattaforma ta’ proġetti artistiċi li matul din is-sena qiegħda tiċċelebra t-30 edizzjoni tagħha proprju f’pajjiżna. 

    Dan il-proġett kulturali li ħarġet bl-idea tiegħu Tiziana Leopizzi, qiegħed ifakkar il-15-il sena mill-bidu tiegħu. Peress li jiġi organizzat darbtejn fis-sena, allura wasal fit-30 edizzjoni li qiegħda ssir hawn Malta. 

    L-attivitajiet relatati ma’ dan il-proġett isiru darba f’Firenze, minn fejn oriġina l-ħsieb tal-proġett, u darba oħra f’pajjiż barrani. Kien proprju fl-2005 meta kien ġie organizzat l-ewwel avveniment, li permezz tiegħu jingħaqdu l-arti komtemporanja u d-disinn fost diversi istituzzjonijiet u individwi. Il-proġett hu intenzjonat li jenfasizza x-xogħlijiet tal-arti fuq bliet u palazzi li għandhom valur storiku. B’dan il-mod joħloq valur uniku bejn l-arti tal-imgħoddi u dik tal-lum.

    Fost il-postijiet fejn qegħdin isiru dawn il-wirjiet insibu l-Istitut Taljan tal-Kultura, il-Lukanda Castille, il-Borża ta’ Malta, il-Librerija Nazzjonali, 188 Triq l-Ifran, Paris Mode Design u Victor Pasmore Foundation. 

    Intant, f’intervista li saret lil Tiziana Leopizzi, hi qalet li dan il-proġett bena diversi relazzjonijiet minħabba l-wirjiet li saru. Hi spjegat li l-isem tal-proġett jfisser li l-arti tinsab fi vjaġġ li matul jinħolqu mużewijiet temporanji. 

    Rigward l-esibizzjonijiet f’Malta, hi qalet li fl-edizzjoni ta’ din is-sena se jiġi organizzat workshop biex l-artisti Taljani u dawk Maltin ikollhom iċ-ċans iqattgħu ħin apposta mal-membri tal-pubbliku li jkunu interessati jsiru jafu aktar dwar dan il-proġett. 

    Dawn il-wirjiet artistiċi se jkunu qegħdin isiru matul din il-ġimgħa bejn it-13 u t-18 ta’ Novembru.