[AĠĠORNAT] Il-Qorti tordna li l-eks La Paloma tibqa' miftuħa

    L-Imħallef Francesco Depasquale laqa' t-talba tas-sidien biex dik li kienet il-lukanda La Paloma tibqa' miftuħa u tilqa' lir-residenti li kienu qegħdin jgħixu fiha.

    Aktar dettalji fil-ħin li ġej.

    Qabel: L-Imħallef Francesco Depasquale llum se jiddeċiedi dwar jekk jilqax it-talba tas-sidien ta' dik li kienet il-La Paloma Hotel biex iwaqqaf lill-awtoritajiet tas-saħħa milli jagħlqu l-imsemmi post għal raġunijiet ta' sanita.

    Wara r-rejd li sar f'Awwissu mill-Pulizja fil-binja li tinsab f'Buġibba, id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment għas-Servizzi tas-Saħħa ordna l-għeluq tal-post imma s-sidien tiegħu ippreżentaw mandat ta' inibizzjoni biex dan ma jsirx.

    Il-post huwa proprjeta ta' persuni Russi imma Christopher Drago għandu l-prokura biex jidher għalihom u kien għalhekk li l-mandat tal-inibizzjoni sar minnu.

    L-Avukat Edward Gatt, li qed jidher għalih, iddeskriva r-rejd li kien sar bħala “Fantozzata”, “show” u “eżerċizzju ta' PR pubbliku” waqt li akkuża lill-pulizija involuti li faqgħu kull m'hemm u werwru n-nies meta setgħu ħabbtu l-bibien tal-appartamenti.

    Huwa sostna li mhux tort tas-sid li l-immigranti żammew l-appartamenti fl-istat li nżammu fih għalkemm għalkemm żied li l-istess sid irranġa l-post u m'għadux kif sabuh il-pulizija.

    L-Avukat Gatt għamilha ċara li jekk il-mandat ta' inibizzjoni ma jintlaqax il-klijent tiegħu ma jkunx l-iktar wieħed li jbati għax se jkunu l-120 immigrant, fosthom tfal, li se jispiċċaw bla post.

    Waqt li nsista li l-immigranti huma “extra-kuntenti” fil-post u mill-flus li qed jirnexxielhom iġemmgħu qed jibgħatu l-flus lura lil qrabathom, Dr Gatt staqsa għaliex jekk veru l-awtoritajiet jirrispettawhom ma ipprovdewlhomx post ieħor ta' akkomodazzjoni.

    Min-naħa tiegħu l-Avukat Dustin Camilleri, li flimkien mal-Avukat Alexia Farrugia Zrinzo qed jidher għad-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment għas-Servizzi tas-Saħħa għamilha ċara li l-ordni biex ikun issiġillat il-post saret minħabba emerġenza fis-saħħa pubbliku.

    Huwa sostna li dan mhux biss għall-ġid tal-istess immigranti li hemm jgħixu fil-post imma anke għal dak tal-kommunita inġenerali nkluż ir-residenti li hemm jgħixu fil-madwar.

    Dr Camilleri nsista li d-deċiżjoni dwar il-mandat ta' inibizzjoni trid tkun marbuta mal-kwistjoni tas-saħħa u għalkemm irrikonoxxa li tkun ħasra jekk l-immigranti ma jingħatawx akkomodazzjoni alternattiva saħaq li din mhux il-mertu tal-kawża għax f'dak il-każ hemm awtoritajiet oħra li jistgħu jidħlu fiha.

    Wara li sema x'kellhom xi jgħidu ż-żewġ naħat, l-Imħallef Depasquale iddiferixxa d-deċiżjoni dwar il-każ għal-lum.