2013 ta' rekord għall-Ajruport Internazzjonali ta' Malta

    In-numru ta' passiġġieri li għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta' Malta fl-ewwel nofs tal-2013 irreġista żieda ta' 9.2%, u laħaq in-numru rekord ta' 1,726,486 passiġġier. Din iż-żieda kienet primarjament dovuta għaż-żieda ta' 7.6% fis-seat capacity. Wieħed mill-punti l-aktar notevoli f'dawn ir-riżultati huwa dak li minkejja ż-żieda fis-seat capacity, is-seat load factor medju rreġistra tkabbir ulterjuri ta' punt perċentwali u laħaq rekord ta' 75.1%.

    Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-ajruport internazzjonali ta' Malta. Intqal ukoll li bejn Jannar u Ġunju ta' din is-sena, in-numru ta' titjiriet żdied b'5.9%, filwaqt li l-maximum take-off weight (MTOW),żdied b'6.7%. Il-merkanzija u l-posta naqsu b'6.9% fuq l-istess perjodu tal-2012.

    “Meta wieħed iħares lejn is-swieq prinċipali, is-suq Taljan irreġistra l-ogħla tkabbir għall-ewwel sitt xhur tal-2013 b'żieda ta' 16.9%. Segwa s-suq Franċiż b'żieda ta' 14.6%, filwaqt li r-Renju Unit irreġistra żieda ta' 5.5%. Kien reġistrat tnaqqis kemm mis-suq Ġermaniż u kif ukoll minn dak Spanjol, bi 2% u 8.5% rispettivament.

    F'Ġunju, in-numru ta' passiġġieri li għaddew mill-Ajruport żamm ix-xejra tat-tkabbir irreġistrat fix-xhur ta' qabel u kiber b'żieda impressjonanti ta' 9.7% fejn laħaq numru rekord ta' 411,851 passiġġier. In-numru ta' titjiriet irreġistra żieda ta' 8.1% u s-seat capacity kiber b?9.2%. Is-seat load factor medju żdied b'0.4 punti perċentwali fuq dak irreġistrat fl-istess xahar s-sena l-oħra. F'Ġunju kien hemm ukoll żieda ta' 8% fl-MTOW, filwaqt li l-merkanzija u l-posta rreġistraw żieda kbira ta' 22.5%.