Zammit Lewis jinħatar ministru

    L-Avukat Edward Zammit Lewis inħatar uffiċjalment bħala Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza minflok Helena Dalli li rriżenjat mill-kariga biex tiffoka fuq in-nomina tagħha bħala Kummissarju Ewropew.

    Iċ-ċerimonja tal-ħatra saret fil-Palazz Presidenzjali tal-Belt, fil-preżenza ta’ familjari tiegħu, u kienet immexxija mill-President tar-Repubblika George Vella.

    Zammit Lewis ilu jservi fil-Parlament mill-2013 fejn wara li f’dik l-elezzjoni kien elett mill-ewwel ingħata l-kariga ta’ segretarju parlamentari responsabbli mill-kompetittivita u t-tkabbir ekonomiku.

    F’April 2014 ingħata d-dekasteru tat-turiżmu u baqa’ responsabbli minn dan is-settur sal-2017 meta saret l-elezzjoni ġenerali fejn fiha tela’ bil-‘by-election”.

    Zammit Lewis, li beda l-karriera politika tiegħu fi ħdan il-fergħa taż-żgħażagħ tal-Partit Laburisa fejn anke serva bħala l-president għal perjodu ta’ sentejn, huwa miżżewweġ lin-Nutara Elena Farrugia u l-koppja għandha tifla jisimha Lucia.