Il-WHO tgħid li l-kriżi tal-Ebola fil-Kongo hija “emerġenza ta’ saħħa pubblika ta’ tħassib internazzjonali”

    L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) ddikjaraw il-kriżi tal-ebola fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo bħala ta’ “emerġenza ta’ saħħa pubblika ta’ tħassib internazzjonali”.

    Din il-mossa jaf twassal biex aktar pajjiżi jgħinu lill-pajjiż biex ikun jista’ jiffaċċja l-problema li qed tifnih.

    Fl-istess waqt l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa qagħdet lura milli tgħid li l-fruntieri għandhom jingħalqu, hekk kif qalet li r-riskju li l-marda tkompli tinfirex ’il barra mir-reġjun mhuwiex għoli.

    L-aħħar każ ta’ ebola fir-Repubblika tal-Kongo ħallet aktar minn 1,600 vittma. Matul din il-ġimgħa kien irreġistrat l-ewwel każ fil-belt ta’ Goma, li għandha popolazzoni li tiżboq il-miljun persuna.

    Tedros Adhanom Ghebreyesus, il-kap tal-WHO, f’kummenti li għamel waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġiet dikjarata l-emerġenza qal li “wasal iż-żmien li d-dinja tieħu azzjoni”.

    Huwa tenna li aċċetta rakkomandazzjonijiet biex ma jkunx hemm restrizzjonijiet fl-ivvjaġġar jew kummerċ. Qal ukoll li m’hemmx ħtieġa ta’ screening ta’ passiġġieri f’portiiet u ajruporti li jinsabu barra mir-reġjun immedjat li huwa affettwat mill-marda.