“Għadu jaħseb ta’ oppożizzjoni” - Chris Said

    Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Chris Said, qal li l-Partit Laburista fil-gvern għadu qiegħed jaħseb ta’ Oppożizzjoni. F’kummenti ma’ inewsmalta.com fl-okkażjoni tal-ewwel mitt jum ta’ gvern ġdid, Chris Said qal: “Għadu ma ngranax jew għadu ma ntebaħx li huwa partit li issa għandu t-tmexxija tal-pajjiż f’idejh.”

    Qal li filwaqt li hemm ċerti deċiżjonijiet li kien wasal iż-żmien li jittieħdu, jikkaraterizzaw l-ewwel mitt jum diversi ħatriet. “Peró l-ewwel mitt jum kienu kkaraterizzati wkoll mill-fatt li l-gvern għażel l-ewwel mitt jum biex iħallas lura lil dawk li għenuh,” qal Chris Said.

    Żied isostni li kull min kien fuq billboard, kull min tkellem f’mass meeting tal-Partit Laburista, dawk li kienu uffiċjali tal-Partit Laburista u numru ta’ sindki u kunsilliera kollha sabu posthom f’xi bord.

    “Din tistona ħafna maż-żewġ slogans li kien juża l-Partit Laburista u li kellhom effett fuq l-elettorat… il-meritokrazija u li anke jekk mintx magħna u lest li taħdem magħna mhux se jkollok problemi. Jekk nieħdu l-eżempji tal-permament secretaries ma ngħatawx l-opportunità li jaħdmu mal-gvern. Qiegħed idejjaqni wkoll li erġajna morna għaż-żmien tat-transfers, bħal fil-qasam tas-saħħa. Ma naħsibx li għadu ż-żmien ta’ dawn it-transfers. Naħseb li dak il-kapitlu messna għalaqnih ħafna snin ilu,” qal Chris Said.

    Mistoqsi dwar l-aħjar deċiżjonijiet li ħa dan il-gvern sa issa Chris Said isemmi l-liġi li tat iktar drittijiet lill-persuni transgender. “Hemm liġijiet li sabu l-backing tal-Partit Nazzjonalista u din turi wkoll kif beħsiebna naħdmu bħala partit fl-oppożizzjoni. Aħna mhux partit li qegħdin hemm biex nikkritikaw biss. Fosthom hemm il-baġit li kien imħejji minn gvern nazzjonalista u qiegħda tiġini f’moħħi l-liġi dwar il-preskrizzjoni fuq il-politiċi. Hija liġi li tressqet mill-gvern u li jiena u sieħbi Carm Mifsud Bonnici fi stadju ta’ kumitat ressaqna numru ta’ emendi u wħud minn dawk l-emendi kienu aċċetati,” iżid Chris Said.

    U liema huma l-agħar deċiżjonijiet?

    Skont Chris Said l-agħar deċiżjonijiet huma “il-ħatriet li qegħdin isiru, il-ksur tal-kodiċi tal-etika b’mod li qisu m’hu qiegħed jiġri xejn, l-ispiża enormi li l-pajjiż iridu jerfa’ bin-numru ta’ ministeri u l-impjegati tiegħu.”