Terapista tal-massaġġi mixli b'att sesswali ma' klijenta

    Raġel ta' 43 sena li jaħdem bħala terapista tal-massaġġi tressaq quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella fejn kien mixli b'atti sesswali ma' klijenta Ċiniża.

    Fl-awla nstema kif iċ-Ċiniża ġiet Malta fuq vaganza u ordnat sessjoni ta' massaġġi mil-lukanda li kienet fiha.

    Għalkemm ma kinietx konvinta meta qalulha li t-terapista kien se jkun raġel hija aċċettat imma f'ħin minnhom huwa daħħal idejh taħt il-ħwejjeġ ta' taħt u meta talbitu jieqaf skuża ruħu.

    Il-mara sostniet li hija bdiet tevita li tħares lejn wiċċu u fl-awla qalet li ma tiftakarx wiċċ it-terapista.

    L-akkużat, li ismu mhux jixxandar fuq ordni tal-Qorti, wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih.

    Il-prosekuzzjoni f'dan il-każ qed titmexxa mill-Ispettur Oriana Spiteri waqt li l-Avukat Michael Sciriha qed jiddefendi lir-raġel.