Robert Micallef jgħid li l-PN tilef il-vokazzjoni Ewropea

    F'diskors li għamel waqt attività politika tal-Partit Laburista mal-Prim Ministru Joseph Muscat fiż-Żebbuġ Għawdex, il-Kandidat Laburista għall-Parlament Ewropew Robert Micallef qal li l-Partit Nazzjonalista tilef il-vokazzjoni Ewropea u qed jipproponi politika tal-ħitan li tista’ xxekkel l-investiment barrani. 

    Robert Micallef qal li fil-25 ta' Mejju se ssir elezzjoni importanti għall-futur ta’ pajjiżna u, fid-diskors tiegħu spjega kif qiegħed idur madwar Malta u Ghawdex jispjega dawn ir-raġunijiet. 

    Huwa qal li qabel xejn fil-Parlament Europew jgħaddu liġijiet li jolqtu direttament lill-poplu Malti u Għawdxi u għaldaqstant neħtieġu rappreżentanti kompetenti u preparati biex jantiċipaw il-bżonnijiet tal-Maltin u Ghawdxin. Skont Robert Micallef, il-pajjiż jeħtieġ Membri tal-Parlament Ewropew li jiddefendu l-isem ta' Malta u jaħdmu għal opportunitajiet ekonomiċi u soċjali għall-Maltin u Għawdxin kollha.

    Fid-diskors tieghu, Robert Micallef spjega li bil-vot fil-25 ta' Mejju għandna l-opportunità li nagħmlu għażla dwar li-futur ta’ pajjiżna. Irridu nagħżlu bejn min għandu strateġija ċara u soda dwar kif ninvestu fil-futur ta' pajjiżna b'viżjoni għat-tul u bejn min iħares biss sal-elezzjoni ġenerali li jmiss. 

    “Għażla bejn min jaħdem bla qies biex joħloq opportunitajiet ekonomiċi għal pajjiżna permezz ta' investiment lokali u barrani u min qiegħed ibeżża’ bil-barranin. Bejn min kapaċi jieħu deċiżjonijiet kuraġġjużi għall-futur ta' pajjiżna u min joqgħod biss fuq x'qed jgħidu s-sondaġġi. Bejn partit magħqud fil-gvern immexxi minn Prim Ministru li għandu track record b’saħħtu ta' suċċess ekonomiku u kap tal-oppozizzjoni mingħajr viżjoni jew strateġija.”

    Robert Micallef fisser permezz tad-diskors tieghu l-istrategija li qed joffri l-Partit Laburista għall-futur ta' Malta u Ghawdex. Huwa qal li din l-istrateħija hi bbażata fuq investiment fl-infrastruttura li toħloq klima serja għall-investiment; l-innovazzjoni u l-ħolqien tax-xogħol f'setturi ġodda kif ukoll l-inklużjoni soċjali biex il-ġid ekonomiku li qed jinħoloq jitqassam b'mod ġust u ħadd ma’ jaqa lura.

    Spjega kif din l-istrateġija tinkludi lill-Għawdex fil-qofol tagħha. Għawdex irridu nagħmluh mudell ta’ prattika tajba u flok nibqgħu nitkellmu dwar kif Għawdex se jlaħħaq ma’ Malta għad jiġi żmien meta nitkellmu dwar kif il-kumplament ta' Malta se jkollha tlaħħaq mar-ritmu tat-tkabbir f'Għawdex. 

    Robert Micallef qal li Għawdex jeħtieġ mudell ekonomiku sostenibbli bbażat fuq servizzi, teknoloġija u innovazzjoni u ħoloqien ta' xoghol cutting edge dejjem b'rispett tal-ambjent naturali. Skont Robert Micallef, il-konnettività hi parti min din il-viżjoni u permezz tad-diskors tiegħu sellem lill-Gvern għall- kuraġġ li qed juri bil-pjanijiet dwar il-link permanenti.

    Robert Micallef temm id-diskors tiegħu billi qal li huwa dejjem mexxa il-quddiem l-interessi ta' Malta u Għawdex fil-ħidma tiegħu mal-istituzzjonijiet Ewropej u b'mod partikolari meta serva lil Malta b’ħidma diplomatika f’Brussell fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u beħsieħbu jpoġġi l-interess ta' pajjiżna bħala prijorità fil-ħidma tiegħu fil-Parlament Ewropew dejjem jekk ikollu l-fiduċja tal-elettorat. 

    Robert Micallef qal li beħsiebu jaħdem b'mod partikolari fil-Parlament Ewropew favur iktar fondi Ewropej, favur iktar opportunitajiet ekonomiċi u soċjali, favur l-istatus uffiċjali tal-lingwa Maltija u se jpoġġi dejjem l-ewwel l-interessi tal-Maltin u l-Għawdxin kollha mingħajr ma jħares lejn kuluri.