''Inwasslu l-benefiċċji tal-telefonati orħos lejn pajjiżi tal-UE mill-15 ta’ Mejju''

    Mil-lum 15 ta’ Mejju, il-prezz fuq it-telefonati u l-messaġġi fl-Istati Membri tal-UE ma jistgħux jaqbżu l-limiti l-ġodda introdotti fi Brussell. Din hija t-tieni kisba marbuta mal-komunikazzjoni, wara l-abolizzjoni tat-tariffi tar-roaming, li se tkun qed twassal benefiċċji tanġibbli lill-konsumaturi u n-negozji fl-UE kollha.

    Marlene Mizzi, li hija l-MPE li nnegozjat iż-żewġ leġiżlazzjonijiet dwar l-abolizzjoni tat-tariffi tar-roaming u l-introduzzjoni ta’ telefonati internazzjonali orħos fl-Ewropa qalet: “Illum huwa jum importanti u rebħa kbira għall-konsumaturi Ewropej, kif ukoll għalija personali, bħala l-MPE Maltija li nnegozjat il-leġiżlazzjonijiet tat-tariffi tar-roaming u tat-telefonati intra-Unjoni.”

    Wara t-tmiem tat-tariffi tar-roaming f’Ġunju 2017, dawn il-prezzijiet il-ġodda huma parti minn reviżjoni tar-regoli tat-telekomunikazzjoni madwar l-UE kollha bil-għan li negħlbu d-diskrepanzi kbar fil-prezz li jeżistu bejn l-Istati Membri. Il-prezz standard ta’ telefonata intra-Unjoni minn linja fissa jew bil-mobile jvarja minn tliet darbiet għal għaxar darbiet ogħla mill-prezz standard ta’ telefonata domestika fl-Istati Membri differenti. Din id-diskrepanza ġiet abolita. 

    “Wara negozjati twal solvejna din il-problema biex iċ-ċittadini Ewropej ma jibqgħux jinkwetaw bil-kontijiet eżorbitanti u l-prezzijiet għoljin meta jċemplu lill-qraba u l-ħbieb f’pajjiż ieħor tal-UE,” qalet l-MPE Marlene Mizzi. “Mil-lum, il-konsumaturi li jċemplu minn pajjiżhom għal pajjiż ieħor tal-UE se jkunu qed iħallsu massimu ta’ 19-il ċenteżmu fil-minuta (+VAT) u 6 ċenteżmi għal kull SMS (+VAT).”

    “Kburija li, wara r-regolament tar-roaming, għal darb’oħra kont parti mit-tim tan-negozjati li ħadem fuq din il-leġiżlazzjoni ta’ importanza partikolari li hi ta’ benefiċċju kbir għall-konsumaturi. Il-mument li nnegozjajna t-tmiem tat-tariffi tar-roaming, kont tajt kelmti li l-pass li jmiss tiegħi bħala MPE se jkun li nirsisti għal rati aktar baxxi u unifikati għat-telefonati  minn pajjiż tal-UE għal ieħor. Għaldaqstant huwa ta’ sodisfazzjon kbir li, mil-lum, żammejna mal-wegħda li għamilna u wassalna benefiċċji tanġibbli liċ-ċittadini tagħna,” qalet l-MPE Marlene Mizzi.

    L-operaturi tat-telekomunikazzjoni fl-UE se jkunu marbutin li jinfurmaw lill-konsumaturi b’dawn il-limitazzjonijiet il-ġodda. Ir-regoli se jkunu qed japplikaw fit-28 pajjiż tal-UE mill-15 ta’ Mejju u fiż-żmien li ġej fin-Norveġja, l-Islanda u Leichtenstein.