Massimu ta' 19ċ kull minuta għat-telefonati u 6ċ għall-SMSs

    Mill-Erbgħa 15 ta' Mejju ċ-ċittadini tal-UE bdew iċemplu u jibagħtu messaġġi b’rati fissi u mnaqqsa.

    Dan sar bħala parti mir-regolamenti dwar Komunikazzjoni Intra-EU u jaffettwa mhux biss telefonati u messaġġi li jsiru minn ċellulari abbonat f’Malta lejn pajjiżi oħra fl-UE imma anke dawk li qegħdin fiz-Zona Ekonomika Ewropea (EEA) bħall-Iżlanda, Liechtensten u n-Norveġja.

    Il-massimu tar-rati, esklużi t-taxxi, li l-operaturi se jiċċarġjaw għal telefonati u SMSs huma 19ċ kull minuta għat-telefonati minn linji diretti u minn telefons ċellulari kif ukoll 6ċ għal SMS.

    Ir-regolamenti l-ġodda japplikaw għall-konsumaturi biss u mhux għall-konsumaturi b'negozju.

    Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri irrimarka kif ir-rati fissi t-telefonati u messaġġi jfisser li l-konsumatur se jħallas rati fissi meta jċempel u jibgħat minn Malta lejn pajjiżi tal-UE.

    Huwa rringrazzja lill-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni li ħadmet mill-qrib ma’ awtoritajiet oħra fit-tfassil tar-regolamenti ġodda.

    L-istess awtorità se tkun responsabbli sabiex tassigura li l-operaturi kollha jimxu mar-regoli tant li fiż-żmien li ġej se titnieda kampanja informattiva biex il-pubbliku jkun infurmat aħjar b’dawn il-bidliet.

    Schembri żied li din l-inizjattiva tikkumplimenta dik ta’ Roam like Home li daħlet fis-seħħ sentejn ilu.