Is-sovranit√† tat-tassazzjoni tkun il-Prijorit√† ewlenija tiegħi

    Fil-mandat li ġej tal-Parlament Ewropew, se jiżdiedu l-isforzi favur bidliet fil-politika Ewropea li jpoġġu limiti ġodda fuq kif il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea jistgħu jissettjaw it-taxxi tagħhom. Dan mhux fl-interess ta’ Malta li jeħtiġilha ssostni l-ħelsien tagħha biex tiddeċiedi l-politika ekonomika li tgħodd għaliha, b’mod flessibbli, għall-ħolqien ta’ aktar impjiegi. Meta kien qed jindirizza attività politika fil-Qawra, l-ex Prim Ministru Alfred Sant qal li kif għamel fil-ħames snin li għaddew, jekk jikseb il-fiduċja tal-elettorat ikompli jiddefendi s-sovranità ta’ Malta fil-politika ta’ tassazzjoni.

    “Din tkun il-priorità tiegħi. Hemm wisq x’nitilfu jekk nitilfu l-flessibilità fit-tassazzjoni tagħna. Ma rridx li s-servizzi finanzjarji tmisshom l-istess xorti li misset l-agrikultura u s-settur tal-manifattura bid-dħul ta’ Malta fl-UE.

    Alfred Sant qal li jekk ikun elett fil-Parlament Ewropew jibqa’ jinsisti li l-politika ta’ għaqda Ewropea m’għandhiex tkun imfassla biex tlibbes l-istess żarbun lil kulħadd. Qal li jibqa’ jinsisti li Malta u Għawdex għandhom jingħataw trattament speċjali minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari tagħna. Iżid l-isforzi tiegħu biex ma jkomplux jiżdiedu d-differenzi ekonomiċi u soċjali bejn il-Lvant u l-Punent tal-Ewropa u bejn in-Nord u s-Sud tal-Ewropa. Fuq kollox ikompli jaħdem biex l-Ewropa terġa’ takkwista l-kuxjenza soċjali li tilfet wara l-kriżi tal-2008.