''Grazzi għall-PSCD waqfu abbużi sesswali fuq it-tfal''

    “Fil-klassi kont qiegħed nitkellem fuq abbuż u ġie tifel li rrapporta li  kien qed ikun abbużat minn persuna li kellha ‘l fuq minn 18-il sena. Dan l-istudent ma kienx jaf li kien qed jiġi abbużat għax ħadd ma kien qallu li meta xi ħadd imissu l-parti privata tiegħu, dan huwa abbuż. Għalih ġiet xi ħaġa normali. Jien għamilt l-obbligu tiegħi fejn infurmajt is-surmast tal-iskola u dan l-abbuż twaqqaf.” Din hija esperjenza personali ta’ għalliem tal-PSCD li tkellem ma’ inewsmalta biex iwassal tagħrif korrett dwar il-lezzjonijiet tal-PSCD fl-iskejjel tagħna. Dan wara li vidjow li xxandar fuq il-mezzi soċjali minn omm qajjem furur u kontroversja dwar is-suġġetti esposti għalihom fosthom is-sesswalità u l-omosesswalità.

    Omm ta’ tifla fis-sitt sena tal-livell primarju lmentat li t-tip ta’ tagħlim li qed isir waqt il-PSCD (Personal, Social and Career Development) huwa “maħmuġ u pastaż u l-kotba fihom kontenut fejn nies qed jintroduċu ruħhom bħala gay u huma bil-ħwejjeġ ta’ taħt” u ddeskriviethom bħal qishom super heroes. Il-kummenti rigward dak li ntqal f’dan il-vidjow kienu ħafna u għadhom għaddejjin u dan il-ġurnal avviċina għalliem ta’ dan is-suġġett biex jara eżatt x’inhuma jgħallmu lit-tfal tagħna waqt il-lezzjonijiet ‘imkasbra’

    Dan l-għalliem beda biex jgħid li s-sillabu tal-PSCD jinsab onlajn u kulħadd għandu aċċess għalih u l-ġenituri jistgħu jsegwu dak kollu li l-għalliema ta’ dan is-suġġett jitkellmu dwaru fil-klassi. 

    Hemm tliet workbooks li jsiru wieħed wara l-ieħor li jibdew mir-raba’ klassi sas-sitt klassi tal-livell primarju. Dawn il-kotba bħala għalliema jagħżlu jekk jagħtux dawn il-kotba lit-tfal biex jeħduhom magħhom id-dar jew le. “Jien personali nagħtihomlom għax nagħtihom ix-xogħol għad-dar għax nemmen li ħames minuti homework jgħin u huwa importanti biex it-tfal jerġgħu jirrevedu bil-kwiet dak li għamilna fil-klassi u allura jeħduh,” spjega l-għalliem. Huwa qal li però hemm ċerti għalliema li jagħżlu li ma jagħtux il-kotba għad-dar u r-raġuni hi li dawn ħafna drabi ma jiġux lura. 

    Qabel l-Għid issir laqgħa għall-ġenituri tat-tfal f’dawn is-snin tal-primarja fejn jiġi spjegat lilhom dak kollu li se jiġri fil-klassi waqt il-lezzjonijiet tas-sesswalità u l-għalliema jħeġġuhom biex jekk jista’ jkun jitkellmu mat-tfal tagħhom fuq dawn l-affarijiet. Huwa qal li, “iva l-ġenituri jiġu b’ħafna mistoqsijiet li ħafna minnhom ikunu validi u jien nieħu pjaċir inweġibhom għax nara l-interess tagħhom”. 

    Bħala sillabu l-għalliem tal-PSCD qalilna li ma jibdewx ifajru bl-addoċċ bit-tibdil fiżiku, iżda jibdew billi jkellmuhom dwar l-imħabba, il-fażijiet differenti, it-termini li jintużaw, il-paċenzja, is-sagrifiċċju u t-tolleranza. It-tfal jitgħallmu wkoll id-differenza li hemm bejn l-imħabba ta’ bejn il-ħbieb, il-ġenituri, lejn l-għalliema, lejn l-annimali domestiċi u mbagħad hemm ovvjament l-imħabba bejn koppja.

    Wara din il-lezzjoni, huma mgħallma l-istadji differenti tal-ħajja biex it-tfal jingħataw tagħrif dwar l-istadji ta’ tfulija, toddlers, il-pubertà, l-adoloxxenza u fl-aħħar isemmgħulhom it-tibdil meta persuna ssir adulta u eventwalment anzjana. 

    Tagħrif u serħan il-moħħ għat-tfal

    Il-lezzjoni li ssegwi hija dik li tagħti ħarsa lejn l-aspetti emozzjonali tal-pubertà fejn jiġu spjegati dak li jistgħu jħossu bit-tibdil tal-ormoni u kif jaffettwalhom il-burdati. F’dawn il-lezzjonijiet it-tfal jidentifikaw ruħhom ħafna fejn pereżempju jgħidu lill-għalliem/a li jħossuhom ferħanin u f’daqqa waħda jħossu dwejjaq li xi drabi lanqas ikunu jafu għala. 

    “Fil-klassijiet it-tfal anke qalu li f’dan il-perjodu ta’ żvilupp jorqdu ħafna jew iħossu rabja u kien hemm min qalli li jħossu iper attiv aktar. Aħna nieħdu pjaċir nagħmluhom din il-lezzjoni għax b’hekk it-tfal ma jħossuhomx waħidhom u jkunu jistgħu jidentifikaw ruħhom anke ma’ xulxin u jibdew jifhmu aktar lil xulxin,” stqarr l-għalliem. Huwa qal li grazzi għal dawn it-tip ta’ lezzjonijiet l-istudenti jibdew jaraw id-differenza li hemm bejn is-subien u l-bniet tant li jibdew jifhmu lil xulxin reċiprokament,kif ukoll jifhmu lill-membri tas-sess oppost anke fil-familja tagħhom. 

    L-għalliem qal li l-aħħar żewġ lezzjonijiet huma dwar it-tibdil fiżiku u t-tnissil tat-trabi. F’dawk dwar it-tibdil fiżiku fil-PSCD isemmulhom kif it-tfal jinbidlu minn barra, fejn speċifikament jitkellmu dwar il-ponot, jgħidulhom li jikber is-sider u l-pene, kif ukoll għala fil-bniet jikbru wkoll il-ġenbejn. It-tfal jitgħallmu l-ismijiet tal-organi sesswali u fis-sitt sena jitgħallmu dwar l-eġekulazzjoni “għax dawn ikunu waslu fiż-żmien li jibdew bil-ħolm erotiku (wet dreams)”. 

    Huwa qal li f’dan l-istadju jkun hemm subien li jibdew jesperjenzaw dan it-tip ta’ ħolm u jkun hemm uħud minnhom li diġà ġralhom tant li, “msieken ikun vera mistħijin u wħud minnhom imbeżża’ għax ħafna minnhom ma jkunux jafu x’inhu jiġri. Aħna nispjegawlhom x’inhi u ngħidulhom li hija xi ħaġa normali.” Min-naħa l-oħra, lill-bniet fil-ħames u s-sitt sena l-għalliema jispjegawlhom dwar il-menstruwazzjoni (period). 

    L-għan hu li nwaqqfu l-ibbuljar…

    L-għalliem tal-PSCD qal li mbagħad fis-sitt sena t-tfal huma mgħallma wkoll li hemm persuni b’orjentazzjonijiet sesswali differenti li mhux bilfors huma eterosesswali, iżda li hemm ukoll persuni omosesswali. “Hemm xi stampi ta’ tipi ta’ familji differenti fosthom ta’ ġenituri omosesswali kemm irġiel kif ukoll nisa. Dan għamilnieh fid-dawl li aħna stess għandna studenti li l-ġenituri tagħhom huma omosesswali biex inaqqsu l-ibbuljar. L-għan hu li ninormalizzaw is-sitwazzjoni,” sostna l-istess għalliem. 

    Lit-tfal jgħidulhom li dawn jeżistu, li mhumiex affarijiet ta’ barra minn hawn, ta’ min wieħed jistħi jew jitkaża bihom, iżda sempliċiment f’xi każi t-tfal jista’ jkollhom żewġ missirijiet jew żewġ ommijiet. “S’issa ma kellniex każi rrapportati ta’ ibbuljar minn dawn it-tfal li qegħdin jitrabbew minn ġenituri gay u għalhekk naħseb li qed jirnexxielna nilħqu l-għan tagħna,” qal bi pjaċir dan l-għalliem.

    L-aħħar lezzjoni hija dwar it-tnissil tat-trabi fejn jaslu biss sal-fażi tal-konċepiment, jiġifieri meta l-isperma tiltaqa’ mal-bajda. “Fil-lezzjoni ma ngħidux kif u allura ma nitkellmux dwar l-att sesswali. Għalhekk waqt il-PSCD l-għalliema ma jitkellmux dwar il-condoms u l-masturbazzjoni. L-allegazzjonijiet li ssemmew fuq il-medja soċjali huma kompletament foloz,” kompla jisħaq.

    L-għalliem tal-PSCD ried jiġbed l-attenzjoni li fejn jidħlu problemi ta’ vjolenza wissa lill-ġenituri biex joqogħdu attenti li t-tfal tagħhom ma jilagħbux ċertu logħob li huwa 12+ bħall-“Fornite” jew 18+ bħall-“GTA” fejn din tal-aħħar hija logħba li anke fiha l-prostituzzjoni għax mhux ta’ min jilagħbha. Teżisti kumpanija - il-“PEGI” (Pan European Gaming Information) li tikklassifika r-rating tal-logħob hija stess. 

    Huwa qal li l-ebda developer ma jieħu pjaċir li l-logħba tiegħu tiġi kklassifikata għal tfal ‘il fuq minn 12 jew 16-il sena, iżda l-ġenituri jridu jagħtu kas ta’ dan ir-rating għax dan huwa sinjal li tista’ tagħmel il-ħsara lil dawk li jilagħbuha u jkunu taħt l-età. 

    Edukazzjoni li tipproteġi lill-istudenti…

    “Bis-saħħa tal-PSCD qegħdin jiġru affarijiet tajbin u nemmen li t-tfal għandhom ikun mgħarrfa x’inhu abbuż u kif wieħed għandu jwaqqaf l-abbuż,” sostna l-għalliem. Huwa qal li fost l-oħrajn fil-workbook hemm x’jiġri jekk iz-zijju jgħanqek iżżejjed jew jekk is-sieħeb tal-omm jidħol fil-kamra tal-banju waqt li l-minuri jkunu qegħdin jinħaslu. 

    Dawn l-affarijiet, qal l-għalliem, “mhux vera huma daqshekk rari, anzi jsiru forsi aktar milli wieħed jaħseb u jista’ jkun li dawn il-persuni li għamlu l-vidjow ġejjin minn ċertu faxxa ta’ soċjetà, iżda jien u l-kollegi tiegħi naħdmu f’realtajiet differenti. Huwa qal li avolja qegħdin Malta u Malta hija żgħira, “però s-soċjetà tagħna tinqasam f’diversi fatturi u jkun tajjeb li wieħed jiftaħ moħħu u jinduna li mhux kulħadd qed jgħix fl-istess realtà.”

    L-għalliem tal-PSCD insista li jekk hawn min jaħseb li l-abbuż huwa oġġett li f’Malta jsir ftit, jgħid li dan qed isir ħafna aktar milli qed jaħseb huwa, allura huwa importanti li t-tfal ikunu jafu t-tipi differenti ta’ abbuż li mhuwiex biss dawk sesswali, iżda wkoll in-negliġenza, l-abbuż emozzjonali u anke dak fiżiku. 

    Huwa temm jgħid li, “aħna nidħlu f’kollox u fil-miftuħ basta nibqgħu fil-konfini tas-sillabu. Aħna professjonisti u naslu sa fejn għandna naslu  fis-sillabu maħruġ mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni u nirrispettaw dawn il-konfini.”