Di Maio u Salvini f'nuqqas ta' qbil dwar żieda fid-dejn nazzjonali

    Id-Deputat Prim Ministru Taljan Luigi Di Maio (ritratt) ikkritika rimarki mill-Ministru għall-Intern Matteo Salvini li l-Italja taf tikser r-regoli fiskali tal-Unjoni Ewropea u żżid l-infiq pubbliku bil-għan li toħloq aktar impjiegi.

    Salvini u Di Maio, li t-tnejn li huma jokkupaw il-kariga ta’ Deputati Prim Ministri, qed jikkompetu biex jiksbu aktar voti għall-partiti rispettivi tagħhom fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, bit-tnejn ikunu involuti f’nuqqas ta’ qbil fuq diversi kwistjonijiet li jvarjaw mill-immigrazzjoni għall-korruzzjoni.

    Di Maio, li huwa l-mexxej tal-Moviment 5 Stelle, f’kummenti lill-ġurnalisti f’konferenza tal-aħbarijiet li żvolġiet f’Perugia, qal li huwa “irresponsabbli” li jinħolqu tensjonijiet fis-suq billi wieħed jitkellem dwar żidiet fil-livell tad-dejn nazzjonali.

    Saħaq li minflok il-koalizzjoni jeħtieġ li tiffoka fuq it-tnaqqis fl-infiq u aktar inforzar kontra l-evażjoni tat-taxxa.

    Intant aktar kmieni llum, Salvini – il-mexxej tal-partit tal-lemin Lega – qal li l-Gvern għandu jkun lest li jikser il-limitu tad-defiċit impost mill-Unjoni Ewropea li jammonta għal 3% tal-Prodott Domestiku Gross. Huwa anke żied jgħid li d-dejn għandu jiżdied għal 140% tal-Prodott Domestiku Gross bil-għan li jinħolqu aktar impjiegi u titnaqqas ir-rata tal-qgħad.

    “Sakemm ir-rata tal-qgħad ma tinżilx għal 5%, jeħtieġ li nonfuq kulma nistgħu u jekk xi ħadd minn Brussell ma jaqbilx mal-pożizzjoni tagħna, allura dan m’għandux ikun jikkonċernana,” huwa qal lill-ġurnalisti waqt attività politika f’Verona.