Minn fost l-NGOs

    Jekk dan il-gvern ta sinjal ta’ xi ħaġa li jrid jagħmel hi dik li jisma’ u jikkonsulta. Wara biss mitt jum ta’ tmexxija imbarka fuq sensiela ta’ laqgħat bit-tema Gvern li Jisma’. Fost dawk li attendew bi ħġarhom għal dawn il-laqgħat kien hemm is-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti tal-NGOs. inewsmalta.com tkellmet ma’ tlieta minnhom. Waħda mill-qasam tad-drittijiet ċivili u tnejn mill-qasam ambjentali.

    Gabi Calleja – Malta Gay Rights Movement

    F'dawn l-ewwel jiem l-MGRM kellha l-opportunità li tiltaqa ma' diversi Ministri u Segretarji Parlamentari biex tiddiskuti diversi kwistjonijiet li jikkonċernaw persuni LGBT. Ittieħdu diversi passi pożittivi mill-Gvern, fosthom il-ftehim li ntlaħaq ma Joanne Cassar; il-proposta ta' amenda fil-Kodiċi Ċivili fil-Parlament biex tirrikonoxxi l-identità tal-ġeneru ta' persuni trans għal kull effett tal-liġi; l-appoġġ għal talba għal strateġija dwar kwistjonijiet LGBT lil Kummissjoni Ewropea li ġiet iffirmata mill-Ministru Helena Dalli f'isem il-Gvern Malti, flimkien ma ħdax-il pajjiż ieħor; it-twaqqif tal-Kunsill Konsultativ; il-parteċipazzjoni ta' diversi membri tal-kabinett fil-Pride March u l-bidu fil-ħidma biex jinħoloq pjan ta' azzjoni biex jiġi indirizzati kwistjonijiet LGBT fil-kamp edukattiv.

    Naħseb l-aktar ħaġa pożittiva hija r-rieda li jidher li hemm biex jiġu ndirizzati numru ta' kwistjonijiet kemm fuq livell leġiżlattiv kif ukoll ta' policy. L-unika dispjaċir huwa li s'issa għadna qed nitkellmu fuq Unjoni Ċivili u mhux ugwaljanza fiż-żwieġ.

    Vince Attard - Nature Trust Malta

    S'issa bħala Nature Trust Malta konna kkonsultati fuq kwistjonijiet varji li fil-passat konna mħassba dwarhom. Għalissa għadu wisq kmieni biex tevalwa r-riżultati fis-settur ambjentali, għax kwistjonijiet bħall-infurzar tal-liġi jistgħu jieħdu fit-tul biex ikunu implimentati.

    L-aktar proposta pożittiva li rajna s'issa kien il-proċess ta' konsultazzjoni fuq is-siġar. Il-gvern se jisma' l-argumenti tal-pubbliku fuq kif is-siġar għandhom jiġu mħarsa u għal dan il-għan twaqqaf ukoll steering committee biex jevalwaw din il-kwistjoni u jagħtu r-rakkomandazzjonijiet tagħhom lill-gvern. In-nies li ġew maħtura f'dan il-kumitat huma nies li għandhom sfond akkademiku.

    Pożittiva wkoll l-aġenda tal-gvern li jkun hemm aktar postijiet miftuħa u li jiġu miżrugħa aktar siġar. Il-gvern il-ġdid qal li hu kompletament favur il-postijiet għall-apert u li jkun hawn aktar green areas fil-pajjiż. Aħna nħossu li din hi pożittiva hekk kif din tista' twassal għal aktar postijiet protetti.

    Punt pożittiv ieħor hu li l-iżvilupp sostenibbli huwa 'l fuq fl-aġenda tal-gvern. Il-gvern preżenti jidher li se jagħti l-ħajja lill-istrateġija nazzjonali għall-iżvilupp sostenibbli u li din miexja b'pass mgħaġġel. Nisperaw li f'dan ir-rikward id-deċiżjonijiet ikunu mifruxa bil-ministri kollha u l-NGO's ikkonsultati.

    Fuq in-naħa negattiva hemm il-konsiderazzjoni li tiżdied il-kaċċa fir-Rebbiegħa. Ninsabu mħasba bil-mod kif il-gvern qed jipprova jfittex xi xaqq minn fejn jgħaddi dwar id-Direttiva tal-Unjon Ewropea dwar l-għasafar. U dan sempliċiment biex tinogħġob minorità u tkun imtawla l-kaċċa fir-Rebbiegħa.

    Ir-reklamazzjoni tal-art mill-baħar – Din hija kwistjoni sensittiva li tista' twassal għal diżastru għal ekoloġija marina u għat-turiżmu. Għandhom isiru studji, kif ukoll wieħed għandu jara s-sotenibbiltà ta' dawn il-proġetti.

    Li l-lukandi se jitħallew jibnu żewġ sulari oħra, aħna bħala Nature Trust inħossu li din kienet deċiżjoni mgħaġġla mingħajr ma kien ikkunsidrat il-problemi futuri b'deċiżjoni bħal din.

    Astrid Vella – Flimkien għall-Ambjent Aħjar

    Hemm diversi affarijiet li huma ta' tħassib għall-FAA wara l-ewwel mitt jum ta' gvern laburista. Fosthom il-proposta li l-applikazzjonijiet tal-MEPA jkunu approvat awtomatikament jekk dawn ikunu konformi mar-regolamenti. Din hija xi ħaġa perikoluża ħafna hekk kif fil-passat anke l-aktar applikazzjonijiet atroċi ġew rakkomandati għall-approvazzjoni. Għalhekk din hi stedina biex wieħed jiżloq minn kull tip ta' abbuż minn din il-proċedura li hi serja ħafna u inaċċettabbli.

    Ta' tħassib ukoll dwar il-proposta li l-lukandi jistgħu jibnu żewġ sulari oħra biex ikunu jistgħu jaħdmu fl-aktar xhur popolari, f'postijiet li diġà huma mballati fil-vaganzi tas-sajf. Dan mingħajr ebda studju fuq il-kapaċità speċjalment tal-infrastruttura bħall-ilma, elettriku u drenaġġ. It-trasport pubbliku, il-parkeġġ u l-mużewijiet. Dan se jagħmel ħsara fuq l-immaġini turistika ta' Malta meta fl-istaġun tas-sajf it-turisti se jkunu ffaċjati b'bajjiet, toroq u mużewijiet aktar miżgħuda min-nies milli nsibu fil-preżent. Kien ikun ferm aktar għaqli li wieħed jinvesti f'inizjattivi li permezz tagħhom jinġiebu aktar turisti fix-xhur tax-xitwa u li wieħed jikkonċentra fuq il-kwalità milli fuq il-kwantità.

    Kien imħabbar li jkun hemm servizz tal-ajru bejn Malta u Għawdex. Dan il-proġett se jfisser ukoll li tkun estiża l-air strip. Wara numru ta' studji u anke l-esperjenza ta' kumpanija kummerċjali urew li dan il-proġett mhux viabbli. Kienu mħabbra wkoll pjannijiet u studji ta' fattibiltà għall-bini ta' mina u pont u dan wara li tefgħu miljuni kbar ta' flus biex ġew irranġati l-mollijiet taċ-Ċirkewwa u tal-Mġarr.

    L-għażla ta' catamaran li possibilment ikun jitlaq minn postijiet differenti u li jkun marbut mal-ħinijiet tal-karozzi tal-linja tista' tkun għażla ferm aktar viabbli. L-Għawdxin għandhom jingħataw id-dritt li jitilgħu qabel u dan biex b'xi mod titaffa ftit it-tbatija li jgħaddu minnha l-Għawdxin li jaħdmu Malta. Filwaqt li l-fondi li kieku jintużaw biex tinbena mina jew pont ikunu jistgħu jkunu użati biex isir investiment u edukazzjoni f'Għawdex. Għawdex jista' wkoll jirriskja li jispiċċa abbandunat hekk kif ikun magħqud ma' Malta.

    Imħassbin ukoll fuq il-fatt li ngħata bini għoli mingħajr mal-membri tal-board tal-MEPA kienu jafu li hemm studju fuq ir-riskju ta' bini għoli.

    L-aktar li laqtuna b'saħħa kienu l-pożizzjonijiet aktar milli d-deċiżjonijiet. Il-messaġġ huwa li l-iżviluppaturi għandu jkun aġevolat biex b'hekk tagħti ħajja mill-ġdid lill-industrija, meta fil-verità hemm ħafna xogħlijiet li jistgħu jkunu maħluqa u li minnhom tiggwadanja Malta, bħal restawr. Il-proġetti li kienu proposti jibbenifikaw minnhom dawk li huma fl-industrija tal-bini, filwaqt li se jkollhom impatt fuq il-pajjiż kollu.

    L-enfasi biex tinqata' l-burokrazija m'hi xejn għajr mod bla għaqal ta' kif wieħed jeħles malajr minn proċessi neċessarji. Ħadd ma jikkunsidra li jelimina studji neċessarji fuq it-trattamenti tas-saħħa, l-iżvilupp żejjed qed ikollu impatt fuq il-ħajja u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti tal-gżejjer. Għalhekk li tiddeskrivi il-proċess neċessarju tal-applikazzjonijiet tal-ippjanar bħala burokrazija mhux neċessarja hija interpretazzjoni qarrieqa li tpoġġi l-interessi tal-industrija tal-iżvilupp qabel is-saħħa tal-pubbliku ġenerali.

    Min-naħa l-oħra l-aktar proposta pożittiva kienet li l-Ministru għas-Sostenbbiltà Leo Brincat u l-pożizzjoni li ħa favur is-siġar.