F'kontroversja!

    Ma setax jonqos li t-tmexxija tal-gvern tkun ukoll soġġetta għal ammont ta' kritika. Kritika min-naħa tal-Partit Nazzjonalista u l-midja tiegħu li f'dawn l-ewwel mitt jum raw li jżommu għoli kemm jista' jkun l-moral tal-partitarji tagħhom. Ma setax jonqos li anke l-midja indipendenti tiskrutinja l-operat tal-gvern. Għalkemm l-inizjattivi kienu ħafna l-kontroversja daret ma' ftit suġġetti partikolari. Għażilna l-iktar ħamsa li ddominaw l-aħbarijiet.

    Kodiċi tal-Etika

    Huwa minnu li Prim Ministru għandu dritt li jfassal hu Kodiċi tal-Etika li jrid lill-membri tal-Kabinett tiegħu jsegwu u jimxu fuqu.

    Iżda, fil-każ ta’ Franco Mercieca l-affarijiet setgħu kienu ftit iktar ċari.

    Jekk kien hemm xi eżenzjoni jew xi perjodu ta’ tranżizzjoni l-gvern kellu jagħmel dan ċar sa mill-ewwel jum tal-ħatra tiegħu. Sa minn qabel l-aħbar tkun żvelata mill-midja.

    Imbagħad il-Prim Ministru jaħdem kemm irid fuq ir-reviżjoni tal-Kodiċi nnifsu. Ovvjament nippretendu reviżjoni għall-aħjar.

    Saħħa

    Is-saħħa nqabdet f’kontroversja wara oħra. M’għandniex xi ngħidu l-midja tal-Partit Nazzjonalista bħal donnu skopriet li teżisti l-emerġenza f’Mater Dei u l-Oppożizzjoni imbarkat fuq kampanja aggressiva f’dak li għandu x’jaqsam il-qasam tas-saħħa.

    Il-Ministeru jidher li kien għaddej jipprova jaqbad art tas-sitwazzjoni u jifhem x’jistgħu jkunu s-soluzzjonijiet. Hemm ħafna xi jsir, iżda minkejja din il-kontroversja kollha, il-fatt li l-amministrazzjoni qiegħda tirikonoxxi li hemm problema huwa diġà pass ‘il quddiem.

    Intant, f’nofs kontroversja wkoll bidliet f’San Vinċenż De Paule, bil-UĦM tgħid li dawn huma transfers vendikattivi.

    Kien hemm ukoll il-kwistjoni Marlene Farrugia. Farrugia hija deputat li għandha ħafna kontribut x’toffri u l-idea li tgħin fit-tmexxija tal-Ministeru tas-Saħħa ma kinetx waħda ħażina. Iżda, il-mod kif ġraw l-affarijiet fid-dawl tal-kritika li seta' kien hemm qajjmu iktar diskussjoni. Spiċċajna b’Farrugia tgħid li kien hemm misunderstanding ma’ Kastilja. Hawn ukoll l-affarijiet setgħu saru aħjar.

    Bordijiet

    Ikun min ikun fil-gvern u jittieħdu kif jittieħdu d-deċiżjonijiet diffiċli wieħed jasal għal punt fejn ikun hemm qbil dwar il-ħatriet tal-bordijiet. Dan huwa settur fejn wieħed diffiċli jasal f’kunsens anke jekk l-għażliet ikunu tajbin. Dan għax anke fl-istess qasam fejn isiru l-ħatriet (ngħidu aħna l-isports), se ssib nies li jkun jimbottaw lejn direzzjonijiet differenti. Għalhekk ħassejna li għandna nżommu l-bordijiet mad-diskuttibbli. Kien hemm xi ftit diskussjoni dwarhom le? Forsi l-iktar kontroversjali dik ta' Lou Bondi fl-aħħar sigħat.

    L-Amnestija

    L-amnestija kienet waħda mill-iktar deċiżjonijiet li qanqlu emozzjonijiet. Kif mistenni. Wara kollox id-dinja hi magħmula minn bnedmin u tifhem ir-reazzjonijiet naturali għal deċiżjoni bħal din. Rajna l-Oppożizzjoni takkuża lill-gvern li din kienet riżultat ta’ wiegħda qabel l-elezzjoni, bil-gvern jiċħad u jgħid li din kienet waħda mill-iktar amnestiji iebsin li ngħataw.

    Il-karozza tal-Prim Ministru

    U għal jiem sħaħ spiċċajna niddiskutu x’karozza għandu juża l-Prim Ministru. Żgur li dik li ħa hu kienet l-irħas għażla għall-pajjiż meta mqabbla ma’ x’nefqu ta’ qablu jew ministri oħra.

    Iżda, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista saħqet li dak ta’ Muscat ma kienx aġir dekoruż. Muscat wieġeb li x’inhu dekoruż ma jirriżultax minn x’tip ta’ karozza tuża imma minn kemm tibża' għal flus il-poplu.